Ittra miftuħa lill-membri tal-Esekuttiv Nazzjonalista

Blog post minn tesserat tal-Partit Nazzjonalista

Il-paraguni huma odjużi. Imma f’din it-turbulazzjoni li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista bħalissa ser ikolli nuża l-paragun għax naħseb li n-Nazzjonalisti, u speċjalment il-membri tal-esekuttiv, jridu jirriflettu fuqu.

Dan l-aħħar tmien snin, il-Partit Nazzjonalista biddel il-Kap erba’ darbiet. Lawrence Gonzi tilef. Ammetta u warrab. Warajh ġie Simon Busuttil. Tilef l-elezzjoni ġenerali. Ammetta, refa’ r-responsabilita’ imma baqa’ hemm. Għal darba oħra wara telfa fl-elezzjoni ġenerali ntgħażel kap ġdid u tfaċċa Dr. Adrian Delia.

Beda mill-ewwel l-immanuvrar kontra l-vot legittimu tat-tesserati li sar skond l-istatut. Adrian Delia tħalliex jagħmel it-terminu li għalih kien ivvutat mit-tesserati. Ma kellux telfa f’elezzjoni ġenerali biex jerfa’ r-responsabilita’ tagħha. Kellu rewwixta interna.

Ammetta li tilef u baqa’ hemm bħala deputat, għax ma ħax il-ġudizzju tal-poplu. Mela l-paragun irid isir bejn Simon Busuttil u Adrian Delia. In-narrattiva ta’ Simon Busuttil, qabel l-elezzjoni tal-2017, kienet marbuta mal-korruzzjoni. Din in-narrattiva ġiet imposta fuq il-Partit Nazzjonalista minn Daphne Caruana Galizia. Kienet l-għażla tiegħu li jħaddanha u minħabba din id-deċiżjoni, il-Partit Nazzjonalista qalla’ l-akbar tkaxkira fl-istorja riċenti tiegħu. Simon Busuttil tħalla jaħdem. Imma Simon Busuttil ma tgħallem xejn mir-rapport tat-telfa tal-2013.

Baqa’ fil-parlament b’Adrian Delia bħala kap u għalkemm Adrian Delia ried idaħħal mod ġdid ta’ politika, Simon Busuttil baqa’ għaddej bl-istess narrattiva. Adrian Delia ried li l-korruzzjoni ma tkunx il-fulkru li kollox idur fuqha. Ried jinqata’ minn dan il-mod ta’ politika u jikkonċentra fuq viżjoni differenti. Fuq il-weġġgħat tan-nies. Din in-narrattiva ma niżlitlux lil Simon Busuttil. Kien wisq maqtugħ min-nies. Hu u sħabu fil-parlament abbandunaw din it-teorija ġdida ta’ Adrian Delia.

Kull darba li Simon Busuttil kien iqum jitkellem fil-Parlament, kemm f’xi diskussjoni fuq xi liġi u anke fl-aġġornamenti, dejjem, mingħajr eċċezzjoni, kien isemmi jew il-korruzzjoni jew lil Daphne Caruana Galizia. Ħafna drabi t-tnejn. Ma kien jitkellem fuq xejn iżjed.

Spiċċa mil-Parlament Malti u mar mal-EPP u oħroġ il-għaġeb dan jibqa’ bl-istess narrattiva dwar il-korruzzjoni u Daphne Caruana Galizia. Għin kemm felaħ biex f’xahar wieħed jitressqu żewġ riżoluzzjonijiet fil-Parlament Ewropew fuq dan is-suġġett. “Incredible but true”.

Sar Bernard Grech Kap. Adrian Delia jagħmel diskors, meta kkonċeda t-telfa u sejjaħ għall-għaqda, lealta’ lejn il-kap il-ġdid. Adrian Delia jħobbu lill-Partit Nazzjonalista u ma jridx jagħmillu ħsara.  

Kienet il-klikka li ħolqot dan l-inkwiet kollu li bħala Nazzjonalist ngħid, ma kellniex x’nambuh. X’ġara minn dak in-nhar sal-lum? Fil-Parlament, Adrian Delia dejjem żamm l-argumentazzjoni tiegħu. Għamel diskorsi wieħed wara l-ieħor fuq liġijiet diversi, diskorsi mfaħħra minn sħabu permezz tas-solitu tisbit fuq l-imwejjed. Diskorsi li ġew imfaħħra minn deputati fil-gvern għall-analitika tagħhom. Żgur li ma qagħadx jeqred b’li ġralu. Żgur ukoll li waqt id-dibattiti parlamentari rajnih jgħin u jagħti l-pariri lil sħabu anke lil dawk li ġġakbinawh. Dan għamlu għax Nazzjonalist ta’ veru mingħajr ebda aġenda personali.

Fil-grupp Parlamentari u fl-Esekuttiv dejjem kien eżemplari u argumentattiv. Jgħidu dan sħabu stess. Konferma ta’ dan huwa dan l-aneddotu qasir. Waqt esekuttiv, Bernard Grech kien qed jieħu gost jisma’ lil Adrian Delia jressaq l-argumenti tiegħu fuq suġġett partikulari. Bernard Grech ħa pjaċir jisma’ il-mod analitiku li ħares lejn is-suġġett. F’dak il-waqt dar fuq Karol Aquilina u staqsieh: “Adrian hekk waqt dawn il-laqgħat?”

Karol qallu, “Adrian għandu dan id-don analitku tajjeb ħafna u jżomm id-diskussjoni miftuħa u għaddejja b’interess kbir”.

Dan mhux kliemi imma ġej dirett miż-żewġ protagonisti ta’ dan l-aneddotu. Biss ċert li hija l-verita’. Mela nistaqsi x’għamel ħażin kemm ilu li tneħħa minn Kap? Wera xi disrispett lejn xi ħadd? Naqas mill-għajnuna tiegħu lill-kap il-ġdid? Imita lill-klikka u għamel rewwixta? Ħoloq xi darba xi nkwiet lill-kap tiegħu jew lil sħabu?

Qala’ biżżejjed ġo fih li seta’ għamel l-istess tip ta’ ħsara? Minn dan kollu ma għamel xejn. Anżi qed jaħdem iżjed favur il-Partit Nazzjonalista. Bernard Grech jaf sewwa x’qed jagħmel Adrian Delia għaliex sikwiet jakkompanja nies biex iressaqhom lura lejn il-Partit Nazzjonalista.

Imma fil-ħajja hemm il-limitu għal kollox. Meta inti toħroġ l-id tal-ħbiberija u xorta tibqa’ tiġi mgħajjar u mċappas mingħajr ebda prova, fl-aħħar, il-moħħ jgħid daqshekk. M’inhiex ser nippermetti li jibqgħu jigdbu fuqi. U eżattament dak li ġara.

Ħbieb fl-esekuttiv, il-lejla nixtieqkom tirriflettu fuq dan. Ħarsu lejn l-istampa kollha. Tħallux qalbkom taħrab bikom. Użaw moħħkom. Araw minn x’hiex għadda l-Partit u rriflettu fuq min waslu sa hawn.

Leave a Reply