Il-Malta Today titfa’ l-ewwel kanunata biex jittajjar Bernard Grech: il-midluka hija Roberta Metsola.
Il-Malta Today ħarġet fuq l-attakk kontra il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dan l-artiklu, moħmi minn xi ħadd, li jixtieq ara lil Bernard Grech maħruq. Huwa intiż biss biex jirredikulaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kurrenti. Dan huwa artiklu maħsub u intenzjonat biex jiżra fl-imħuħ li Bernard Grech mhux al altezza ta’ kap.
Dan huwa artiklu maħdum bi pjan ċar li n-nies li poġġewh qed ifittxu biex isibu persuna oħra minflok Bernard Grech. Tista’ taqra bejn il-linji l-messaġġ kontinwu li għaddej f’dan l-artiklu li qed jesponu n-nuqqas ta’ kapaċita’ li għandu Bernard Grech li jmexxi. Din inkitbet b’mod ċar u kristallin f’dan l-artiklu. Dr Bernard Grech ħareġ f’dan l-artiklu bħala mexxej b’nuqqas kbir ta’ esperjenza u ta’ tmexxija.
Tista’ kważi tifhem li hemm għajta qawwija li minflok Dr Bernard Grech hemm bżonn urġenti ta’ xi ħadd li mogħni b’esperjenza ħafna iżjed minnu. Nikkonsidra dan l-artiklu bħala l-ewwel wieħed, fost sensiela, li ser naraw fiż-żmien li ġej. Dan huwa l-ewwel togħma ta’ ħsieb biex Bernard Grech jersaq lejn it-tmiem tiegħu għax ma kienx u ma raddx lura dak li xtaqu min poġġieh.
Dan juri ċar li huwa l-ewwel artiklu li nħema biex titwitta t-triq għal persuna oħra biex issir kap. Dan ser isir issa jekk iħossu l-bżonn li din il-bidla ssir malajr jew għal wara l-elezzjoni li ġejja li hi fil-qrib.
Mistoqsija li hemm bżonn issir hija din: għaliex l-ewwel attakk sar minn fuq il-Malta Today u mhux mit-Times of Malta? Il-logħba bdiet. It-triq twittiet u l-bozza nxtalet. Il-midluk qed jitressaq lejn il-lik. Il-mara li fuqha ntefgħu l-għajnejn tidher li qed taċċetta li tkun parteċipi attiva f’din il-logħba maħduma fuq black board b’ħafna tattiċi u taħbil il-moħħ.
Ċertu nies fil-Partit diġa sejħu l-kap il-ġdid u diġa qed jiftħu idejhom għal Roberta Metsola. Metsola ma ssemmietx. Biss kulħadd jaf li din hija mossa favur Roberta Metsola.
X’qed jgħid iżjed l-artiklu. Min ta l-parir lil Dr Bernard Grech, jekk ma għamilhiex waħdu, biex isejjaħ l-esekuttiv ħareġ messaġġ qawwi, biex żgur jifhmu kulħadd, li l-qsim fil-Partit Nazzjonalista huma reali tassew. Dan huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ esperjenza profonda u nuqqas essaġerat ta’ kemm Dr Bernard Grech ma għandux idea ta’ tmexxija.
Araw x’qed jgħid dwar ir-reazzjoni ta’ ħafna deputati u membri tal-eżekuttiv. Il-messaġġ tagħhom hu, flok attakka personalment l-problema, inħeba wara struttura tal-Partit. Biex ikompli jsaħħan il-qiegħa, l-artiklu tal-Malta Today jgħid li għalkemm Dr Bernard Grech qal li ser jieħu deċiżjonijiet iebsa, mar għand l-eżekuttiv ħalli jagħmillu xogħolu. Din hija verita’ li toqros fil-laħam il-ħaj.
Skond l-artiklu r-reazzjoni ta’ ħafna membri tal-eżekuttiv hi li b’din id-deċiżjoni Bernard Grech qed jilgħab f’idejn il-Partit Laburista. Barra minn hekk, qed jgħidulu li bħala Kap huwa bla esperjenza u ma missux iddawwar b’ħafna ġenerali neqsin mill-esperjenza bħalu. Membru tal-Parlament qal li jekk jasal biex ikeċċi lil xi membru, dan ikun ifisser qasma irreparabbli tal-Partit Nazzjonalista u żgur li ħadd min-nazzjonalisti ma jrid jasal għal dan.
Il-gazzetta tikkwota wkoll Chairman ta’ Kumitat Reġjonali li qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista reġa ntefa’ lura fit-teatrini li konna naraw qabel u li qed jidher ċar li dawk l-iktar diżappuntati huma dawk li taw lil Dr Bernard Grech is-siġġu ta’ kap. L-aħħar kumment jistqarr li dak li forsi seta’ serva ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista, kemm ilu li sar Kap Dr Bernard Grech, irnexxielu jaħarqu b’din id-deċiżżjoni bażwija tal-lejla. Fuq kollox, dan l-artiklju, ikkonferma dak li, għal dawn l-aħħar jiem, kien qed jinkiteb u għadu jinkiteb f’dan il-sit.