Għaliex Bernard Grech ma għajjatx l-esekuttiv meta ġiet leaked informazzjoni ta’ kif kien ser jivvota l-grupp parlamentari lill-Partit Laburista?

Ftit tal-jiem ilu, dan is-sit kien f’pożizzjoni li joħroġ storja dwar ir-rilokazzjoni tal-faċilita tat-tindif tat-tankijiet li hemm bil-bajja ta’ Rinella għall-bajja tal-Marsa. Din l-istorja tkompli. Illum qiegħed f’pożizzjoni li ngħid li xi ħadd mill-grupp parlamentari Nazzjonalista llikja lill-Partit Laburista kif kien ser jivvota dan il-grupp fuq din il-pożizzjoni.

Infakkar li fi żmien Dr Adrian Delia kien fatt magħruf li kienu jsiru ħafna leaks lill-Partit Laburista. Meta laħaq Dr Bernard Grech beda jiftaħar kemm għandu grupp magħqud, kemm jaħdmu flimkien, kemm iħossu komdu li kulħadd jiġbed il-ħabel miegħu u li waqaf il-viżżju misħut tal-leakages.

Biss dawn il-leakages għadhom isiru u l-istess persuna li kienet tibgħat il-leaks lill-Partit Laburista fi żmien Adrian Delia tidher li qedha tagħmel l-istess illum fi żmien Bernard Grech. Dak li mhux ċar għala, wara dan l-aħħar leak, Bernard Grech ma għajjatx l-esekuttiv? Qed ngħid dan għaliex l-istess Bernard Grech ħass li kellu jgħajjat l-esekuttiv wara kumment li tella’ fuq Facebook Adrian Delia. Dan l-illikjar tellef ħafna voti lill-Partit Nazzjonalista għaliex kien ser ikollu effett fuq il-votanti tal-Marsa.

Claudio Grech daħal irrabjat u ħataf lill-grupp parlamentari peress li f’laqgħa oħra li kienet saret ġranet qabel, il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien qabel li jivvota mal-Gvern favur ir-rilokazzjoni, imsemmija aktar ‘l fuq ta’ dawn it-tankijiet fil-Marsa. Claudio Grech bilfors ikun irrabjat għax dik id-deċizzjoni mil-grupp parlamentari saret meta hu ma kienx preżenti fil-laqgħa. Huwa saħaq b’rabja li dik id-deċizzjoni, li kienet tolqot lilu bħala rappreżentant tal-Marsa fil-Parlament, ma missha qatt ttieħdet. Wara dik ir-rabja kollha l-grupp parlamentari bidel id-deċizzjoni tiegħu u qabel li ma kellux jivvota mal-gvern fuq din id-deċizzjoni.

Xi ħadd mill-grupp parlamentari illikja din l-informazzjoni lill-Partit Laburista. Infurmah li fuq din id-deċizzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien ser jivvota kontra. Glenn Bedingfield kien diġa ta x’jifhem li kien hemm qbil bejn iż-żewġ partiti fuq din ir-rilokazzjoni. X’ġara wara dan il-leak? Il-Gvern, għal darbtejn ma tellax din id-deċizzjoni għal vot u s’issa għadha pendenti. B’hekk, politikament ħareġ tellief il-Partit Nazzjonalista.

Kieku l-gvern ma kienx jaf li l-Partit Nazzjonanlista bidel il-pożizzjoni tiegħu kien iressaq din il-mozzjoni għall-vot. X’kien jiġri? X’kienu ser jagħmlu t-tliet rappreżentanti tal-Labour fuq l-ewwel distrett? Tnejn mit-tlieta huma ministri, b’wieħed minnhom tal-Ambjent (importanti ħafna f’dan il-każ) u ieħor Segretarju Parlamentari. Kieku ma sarx dan il-leak, it-tliet rappreżentanti tal-Labour fuq dan id-distrett kienu jivvutaw favur ir-rilokazzjoni u jagħtu daqqa ta’ ħarta lill-Marsin. B’hekk kienu jibagħtu messaġġ ċar li abbandunaw il-Marsin u ż-żewġ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista kienu joħorġu li huma favur il-Marsa. Kien joħroġ ċar li l-Partit Nazzjonalista kien waqaf man-nies tal-Marsa f’din il-kwistjoni.

Dawn huma affarijiet serji. Naħseb li wara din l-istorja kellu jgħajjat il-laqgħa tal-Esekuttiv biex jara min illikja u tellef lill-Partit Nazzjonalista milli jagħmel mossa favorevoli. Hawn fejn verament sar tradiment sfaċċat minn wara dahar kulħadd. Dan ma sarx permezz ta’ post mitfuħ fuq Facebook. Din l-istorja ta’ dan il-leak turi li dan il-Partit mixi b’liġi għall-allat u liġi oħra għall-annimali. Din l-istorja tkompli tikkonferma sigriet magħruf li l-Partit Nazzjonalista huwa mmexxi minn terżi, li għandhom l-aġenda tagħhom, u mhux minn nies eletti bil-vot tat-tesserati.

Leave a Reply