Bl-azzjoni tiegħu, Bernard Grech reġa’ fetaħ beraħ l-odju u l-ħdura kontra Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista
L-esekuttiv ser jiltaqa’ llum. L-eżekuttiv ġie mgħajjat b’urġenza. L-esekuttiv ser jaqta’ l-kundanna. L-eżekuttiv donnu ser jinteressah mil-lum u ma jimpurtahx mill-bieraħ. L-esekuttiv ġie mgħajjat għax, fl-aħħar, tella’ post, wieħed mid-deputati, wara snin ta’ bumbardament fuqu. L-esekuttiv donnu ser jagħmel għamad quddiem għajnejh u jiġi jaqa’ u jqum mill-biżibilju ta’ posts jgħajru lill-kap ta’ qabel. F’daqqa waħda Dr Bernard Grech sabbat saqajh. Imma kif ħabbat saqajh x’ġara?
Minflok ġab ruħu ta’ missier ta’ familja u għajjat lid-deputati fl-uffiċju tiegħu, mar fuq Facebook u ta l-aħbar lill-kulħadd. B’hekk ser iġib issa l-media kollha quddiem id-Dar Ċentrali. Kienu xeni li konna nsejna. Ġejja xena oħra li konna ħsiebna li spiċċaw u din ser issir lejlet l-elezzjoni.
Reġgħet ġiet x-xoqqa f’moxta lil dawk li ilhom jagħmlu ħsara fil-Partit Nazzjonalista biex jagħmlu dak li ilhom jixtiequ jagħmlu dawn l-aħħar tliet snin u nofs u jwarrbu lil Adrian Delia mix-xena politika.
Issa x’qed naraw? Issa qed isir ġudizzju fuq il-media soċjali minn ħafna professuri tad-demokrazija u xempji tal-għaqda. Tiftakru kemm ġew mgħajra s-sostenituri ta’ Dr Adrian Delia fi żmien il-kampanja tal-kap ftit tax-xhur ilu. X’ma qalulhomx – qtates, Laburisti, ħnieżer, tat-tielet klassi, ħamalli u ħafna titli oħra idejali biex fost l-aħwa Nazzjonalisti ssaltan l-għaqda.
B’din id-deċiżjoni mgħaġġla li ttieħdet fil-Partit Nazzjonalista biex jingħajjat l-esekuttiv b’urġenza, x’taħsbu li sar? Reġgħu qanqlu l-ħdura. Reġa’ beda it-tgħajjir. Reġgħu ħarġu l-istalletti lejn is-sostenituri ta’ Dr Adrian Delia. Reġgħu wrewna li mhux billi Dr Bernard Grech jiftaħar u jpaċpaċ li l-Partit Nazzjonalista reġa sab it-triq l-imdawla, għal kuntrarju, ħadu deċiżjoni mingħajr ma rriflettew li hemm barra għad hemm nies li jaħtfu l-okkażżjonijiet biex jitgħajru.
Mela jekk mingħalih Dr Bernard Grech li l-ilma kien qed joqgħod u kien qed isib il-kalma, reġa’ tefa’ riefnu u qalleb l-ilma b’tali mod li reġa’ dardru aktar minn qabel. Min ħareġ tellief b’din il-paprata mgħaġġla? Bħal dejjem il-Partit Nazzjonalista.
Jekk inti trid l-għaqda ssejjaħ laqgħa u tgħid għalfejn sejjaħtha. Ma għandekx bżonn tmur fuq Facebook u tgħid li trid tagħmilha b’urġenza. Meta tagħmel hekk qed tgħid li sejjer għall-ġlied. B’dan mingħalik li għamilt xi mossa meħuda mill-ktieb tal-għerf ta’ Salamun? Kull ma għamilt qanqalt il-ħdura fost dawk in-nies li int, Dr Beranrd Grech, kont qed tagħmel ħiltek biex issikkithom. Erġajt qanqalt ħafna tgħajjir minn sostenituri tiegħek bir-riżultat li sejjaħt għar-risposti minn nies milquta u spiċċajna botta u risposta. Għal kull azzjoni hemm reazzjoni. U proprju hekk ġara.
Erġajt qanqalt reazzjonijiet koroh li forsi b’xi mod kienu qed jonqsu xi ftit. Issa erġajt ftaħt ferita li ma kienitx għada magħluqa għal kollox. U mingħalik li lbist qalziet twil biex turi li int raġel u li taf tmexxi b’dixxiplina. Ara b’għajnejk x’għandek warajk. Ara b’għajnejk x’qed jinkiteb. Issa ara kif tagħmel u paxxi lil dawn in-nies. Ara kif tagħmel u tieħu xi deċiżjoni biex mingħalik tikkalma l-korla, r-rabja, id-disprezz li din id-darba qanqalt int stess.
Imma nerġa’ ngħidlek, int tagħmel l-azzjoni u eluf jagħmlu r-reazzjoni. Ħares lejn dawn il-kummenti u tpaxxa bl-għaqda li qed issaltan fuq il-medja soċjali.

