Aħbar esklussiva: titħassar l-laqgħa tal-amministrattiv waqt li titħejja mozzjoni bil-moħbi għall-esekuttiv

Hija prassi li qabel kull laqgħa tal-esekuttiv ikun hemm l-laqgħa tal-kunsill amministrattiv. Il-kunsill amministrattiv huwa dak l-organu fil-Partit Nazzjonalista li jirregola x-xogħol marbut mal-amministrazzjoni tal-partit.

Anki jekk din id-darba, l-esekuttiv tressaq b’urġenza, xorta waħda kien ser ikun hemm laqgħa tal-kunsill amministrattiv. Din tħabbret il-bieraħ u kellha tibda fil-5.30 pm. Biss f’daqqa waħda, din il-laqgħa tal-amministrattiv ġiet ikkanċellata. Tħassret ftit tal-ħin ilu. Bħalissa kull min hu nvolut f’din il-laqgħa qed jistaqsi x’hemm warajha din il-mossa.

Dak li qed jingħad hu li din il-mossa wriet biċ-ċar li ma hemmx għaqda fil-Partit Nazzjonalista bħalissa.

Fuq kollox, għaliex Bernard Grech ħa deċiżjoni biex imur għall-esekuttiv b’urġenza? Dawk li staqsew dwar dan il-fatt, it-tweġiba li ħadu kienet dik li Bernard Grech jixtieq jistaqsi u jieħu l-parir ta’ mitt ruħ. Biss jidher ċar li l-mottiv huwa ieħor.

Hu fatt magħruf sew fil-Partit Nazzjonalista li Bernard Grech ma għandux il-gazz li jipproponi xi mozzjoni ta’ ċensura kontra Adrian Delia jew Jason Azzopardi. Minn sorsi infurmati tajjeb jidher li ġa ġie avviċinat minn xi ħadd biex fil-mument opportun, waqt din il-laqgħa, jressaq mozzjoni. X’ser tkun din il-mozzjoni ħadd ma jaf.

Dak li qed jingħad hu li Bernard Grech irid jeħles kemm minn Jason Azzopardi u Adrian Delia. Għalhekk tkellem dwar posts u mhux post. Għalhekk għajjat din il-laqgħa u ħassar l-amministrattiv. Biss mhux ċar kif ser jaħdimha għaliex dawn it-tnejn min-nies għandhom is-supporters tagħhom.

Il-lejla nkunu nafu x’ser tkun din il-mozzjoni u min eżatt ser ikun qed jippreżentaha.

Leave a Reply