X’ser ikun l-islogan tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li jmiss?

Minn osservatur politiku

Ħdejn il-podjum waqt il-konferenza dwar il-clusters li għamel il-Partit Nazzjonalista kien hemm billboard li tgħid ‘Gvern alternattiv b’viżjoni bil-ġid komuni fiċ-ċentru’. Jiena naħseb li din kienet l-ewwel paġna tad-dokument li ħarġu llum. Nispera li mhux ser ikun is-slogan li ser jużaw għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Jien persważ li le. Ir-raġuni hija li twil wisq. Biex inkun għidt kollox ma jogħġobniex. Naħseb li peress li jidher li l-Partit Nazzjonalista qabad ir-ritmu fil-preparazzjonijiet tiegħu għall-elezzjoni ġenerali qed jaħdmu ukoll fuq slogan ideali għall-kampanja tal-elezzjoni. Qed nara emfażi kbira fuq il-kelma ġdid jew ġdida. Ħadulna rasna kemm ilhom li ħarġu li Bernard Grech irid paġna ġdida.

F’kull ħin, f’kull ċirkostanza, f’kull possibilita’ kemm Dr Grech kif ukoll id-deputati u l-kandidati kollha rikbu fuq din il-paġna ġdida. Kellu bżonn xi ħadd minnhom jilluminana x’ser jiktbu kull wieħed li jirrepeti dawn iż-żewġ kelmiet – paġna ġdida – forsi nibdew insiru nafu x’ser ikun fih dan il-ktieb li s’issa għadu b’paġni vojta.

Għandi perswazzjoni kbira li l-kelma ġdida ser tkun użata fil-kampanja li ġejja. Ma nieħu xejn bi kbir jekk b’xi mod din il-kelma tidħol fil-formola maġika. Ħa nifthemu li wara żewġ leġislaturi, jew kważi, tal-Partit Laburista, ma jridu xejn biex jgħidulna li issa wasal iż-żmien li jkollna mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista fil-gvern.

Mela jista’ jkun li jużaw per eżempju ‘il-PN mill-ġdid’ jew ‘mill-ġdid PN’. Nassumi li PN ġdid jew xi ħaġa simili ser tkun hemm, imma naħseb li waħedha ma tkunx biżżejjed. Issa meta nibda naħseb anke wara l-konferenza tal-bieraħ filgħodu dwar il-clusters, nibda ngħid dawn ser jikkonċentraw fuq il-governanza tajba. Huwa suġġett li ġie mħolli, jekk m’inhiex sejjer żball, f’idejn Therese Commodini Cachia.

Fil-fatt il-bieraħ, waqt il-konferenza stampa Bernard Grech qalilna li trid tgħix biex taħdem. Mela qed jikkonvinċuni li anke din il-kelma ser tkun parti mis-slogan li qed jippreparaw. Naf li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jfittex il-valuri li wieżnuh matul is-snin u forsi din id-darba għandhom jħarsu lejhom ukoll. Mela din tista’ tkun it-tielet kelma.

Meta nħarsu lura lejn elezzjonijiet oħra niftakkru li l-Partit mill-1987 beda bi slogan ta’ tlett kelmiet. Niftakar b’mod qawwi l-għajta fl-1987 ta’ ‘Xogħol, Ġustizzja, Liberta’.

Fl-2013 il-Partit Nazzjonalista għażel ‘Futur fis-Sod, Xogħol, Saħħa, Ġustizzja’.

Fl-2017 maħsudin b’elezzjoni bikrija ntagħżel ‘Jien Nagħżel Malta’. Mela kif diġa għidna togħġobni iżjed ‘Mill-Ġdid PN’. Imbagħad għandna Governanza, Xogħol u Valuri. Mela kieku jien meta nħares lejn dawn il-kliem, l-idea finali kif għandi ngħaqqadhom flimkien tkun: ‘Mill-Ġdid PN, Xogħol, Valuri, Governanza’.

Min jaf jekk hux qiegħed viċin. Iż-żmien jagħtina parir.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *