Xi eżatt il-pożizzjoni tal-PN fuq l-IVF, PDG, il-kannabis, l-abort u r-resoluzzjoni tal-Parlament Ewropew kontra Malta ?

Blog minn osservatur politiku

Il-konferenza stampa dwar il-clusters tal-Partit Nazzjonalista għalqet b’indirizz minn Dr. Bernard Grech. Fil-biċċa fejn tkellem bl-indirizz lest, ma kellniex tfixkil fid-diskors. Imma wara li spiċċa d-dikors qasir tiegħu huwa fetaħ għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti.

L-ewwel ġurnalista staqsietu dwar diversi drittijiet ċivili. Staqsietu jekk hux ser isaħħaħ dawk eżistenzi bħaż-żwieġ tal-istess sess u l-aċċessibilita’ għall-IVF. Wara kompliet jekk hux ser idaħħal drittijiet ċivili ġodda bħalma huma l-abort, il-legalizazzjoni tal-cannabis u t-testijiet tal-PGD. Dr Grech enfasizza li ser ikomplu jaħdmu fuq dawk id-drittijiet ċivili diġa’ eżistenti, imbagħad reġa għamel diskors dwar l-IVF. Din kienet risposta li diġa’ għamel ma’ ġurnalist ieħor f’okkazzjoni oħra, fejn reġa’ saħaq għas-servizz tal-IVF b’xejn mill-bidu sat-tmiem. Biss waqaf hemm. Naħseb li biex ma jirrepetix ruħu u jgħid li l-abort, il-cannabis u il-PGD għadhom fuq livell ta’ diskussjoni, ħa t-triq il-qasira u mudlama li ma jirrispondi xejn.

Kellu mistoqsija ċara minn ġurnalist ieħor u rreferieh għall-vot meħud fil-Parlament Ewropew fuq riżoluzzjoni li tressqet kontra Malta. Il-mistoqsija ffokat fuq x’kien jagħmel hu bħala Malti bil-vot tiegħu. Ir-risposta kienet eloġju sħiħ tax-xogħol li qed jagħmel bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Ħmir konna u mija bqajna għax Dr Grech ma qalilnix. Lanqas biss għamel referenza għaż-żewġ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa.

Waqt li kien qed jirrispondi mistoqsija oħra huwa qal dawn il-preċiżi kelmiet: “…ħalli l-koppji tagħna jkunu jistgħu mhux jaħdmu biex jgħixu imma jgħixu biex jaħdmu, kif jiena dejjem ninsisti”. Dr Grech nispera li din kienet, kif jgħid l-ingliż ‘a slip of the tongue’.

Dr Grech li tinsisti li aħna rridu ngħixu biex naħdmu ma tantx hija, kif għid int ukoll, triq mixgħula biex nimxu fiha. X’ħajja tkun din li trid il-ħin kollu taħdem biex tgħix. Naħseb li taf x’ifisser meta l-Ingliżi jgħidu ‘all work and no play makes John a dull boy’. Jiġifieri bil-futur tagħna f’idejk ser ikollna ngħixu biex naħdmu biss. Mhux ser tħallilna xejn iżjed. Mix-xogħol biss ser jinteressak.

Nispera li kif diġa għidtlek tfixkilt f’ilsienek. Imma l-aħħar rimarka li ser nagħmel hija din. Dr Grech jaf li huwa Kap tal-Oppożizzjoni. Jaf ukoll li biex iwettaq dak li qed jipproponi jrid ikun fil-gvern. Kulħadd jaf li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-gvern, hu minn Kap tal-Oppożizzjoni jsir Prim Ministru. Imma hemm għalfejn kull erba’ kelmiet li tgħid trid tgħidilna li ser tagħmel hekk u hekk u hekk bħala Prim Ministru. Kulħadd jaf li trid issir Prim Ministru imma ma hemmx għalfejn tirrepetiha kull erba’ kelmiet li tgħid.

Leave a Reply