Il-Partit Volt Malta – huwa ta’ theddida għall-Partit Nazzjonalista?

It-Times of Malta nfurmatna li Volt Malta rreġistra bħala partit politiku ġdid. Kellna konferma li l-Kummissjoni Elettorali Maltija aċċettat li dan il-partit politiku ġdid jista’ jkollu nies bħala kandidati f’ismu fl-elezzjonijiet lokali, ewropej u ġenerali. Volt Malta hija branka ta’ Volt Europa, partit ewropew li bħalissa huwa rappreżentat fil-Parlament Ewropew minn deputat mill-Ġermanja u tliet deputati mill-Olanda. Dan il-partit huwa wkoll rappreżentat fuq livell reġjonali fil-Ġermanja, l-Italja u l-Bulgarija.

Jista’ dan il-partit ikollu effett fuq livell nazzjonali? Dawk li għandhom twemmin liberali issa ser ikollhom għażla aktar miftuħa lil min jistgħu jivvutaw. Din tista’ tkun daqqa ta’ ħarta oħra għall-Partit Nazzjonalista? Biss ma naħsibx. Forsi ħafna jaħsbu li ħafna votanti Nazzjonalisti huma liberali u allura dawn ser ikollhom għażla ħafna aktar faċli li jivvutaw lil dan il-moviment ġdid Ewropew. Fil-verita’, in-numru ta’ votanti liberali huma ftit iżda dawn ħadu t-tmexxija tal-Partit f’idejhom u mbagħad jimbutaw aġenda konservattiva kull meta jaqbel lilhom.

B’hekk it-twaqqif ta’ dan il-moviment ser iwassal biex jaqgħu aktar maskri politiċi. Dan huwa moviment li qed jinxtered mal-Ewropa kollha u hu partit favur l-abort. Huwa jisħaq ħafna fuq governanza tajba. Iħaddan politika li jħares lejn is-sitwazzjoni tal-klima b’importanza kbira, tant li jagħtiha ħafna valur politiku.

Biss min jaħseb li ser ikun hemm xi exodus mill-Partit Nazzjonalista, sejjer ħażin. Meta twaqqaf partit fuq il-lemin, ftit kellu effett fil-passat. Biss bit-twaqqif ta’ dan il-partit, jekk il-partit fuq in-naħa tal-lemin jingħadu, hemm iwa ser jagħtu sfida lill-Partiti l-kbar.

Għal dak li jikkonċerna l-Partit Nazzjonalista, issa jridu jaraw fejn ser joqgħodu tas-soċjeta ċivili. Dak li jista’ jiġri li dan il-partit jintuża bħala leverage mil-liberali. Dawn ġew preżentati b’ċans tajjeb ħafna biex ikomplu jheddu lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech. Is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ser tkompli titgħarraq u titherra. Repubblika u Occupy Justice ser jużaw, anżi ninsab żgur li ser iżidu l-vleġġeġ lejn il-Kap Bernard Grech, li jekk ma jagħmilx kif iridu huma ser jappoġġjaw fil-miftuħ lil Volt Malta. J’alla jsir hekk ħalli dan il-partit jitnaddaf.

Finalment u ta’ interess kbir, irridu naraw ‘l fejn ser ixaqilbu l-media Maltija. Din ser tkun opportunita’ tad-deheb biex iwaħħluh kemm lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll lill- Partit Laburista, sakemm ma jingħadux fi front komuni kontra l-partiti iż-żgħar. L-iktar jekk dan il-partit ġdid ser ikollu sostenn finanżjarju tajjeb.

Kif jgħid l-Ingliż ‘pleasures yet to come’.

Leave a Reply