Roberta Metsola fuq il-gazzetta Illum

Il-bieraħ ikkummentajt fuq artiklu li deher fil-Malta Today miktub minn Matthew Vella u mħallas minn fondi Ewropej dwar dak li ġara fil-parlament Ewropej, fejn Roberta Metsola ma qablitx mal-pożizzjoni li ħa Alfred Sant, li waqt li d-defenda id-dritt tal-ħsieb u l-ġurnaliżmu ħieles fir-Russja għamilha ċara li l-Ewropa trid tieqaf tara lir-Russja bħala għadu.

IIlum ser nikkummenta dwar artiklu ieħor li hu mħallas minn fondi Ewropej. Dan ukoll jikkonċerna lil Roberta Metsola u deher fil-gazzetta Illum. Dan l-artiklu kien forma ta’ intervista li tat Roberta Metsolalil din il-gażżetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd.

Kellha diversi opinjonijiet fuq suġġetti differenti imma l-aktar li laqatni kienet ir-risposta għall-aħħar mistoqsija li saritilha. Din kienet jekk Metsola għadhiex qed tħares lejn karriera politika lokali, anke fid-dawl tal-fatt li kull darba li jkun hemm xi ċaqlieq fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jissemma’ isimha.

Ħalli niftakru ftit. Kellu raġun jistaqsiha hekk lil Roberta Metsola. Kull survey li kien qed isir fi żmien li beda jissemma li ser ikun hemm elezzjoni għall-kap, isem Roberta Metsola kien dejjem fuq quddiem f’kull survey. Biss nixtieq infakkar ukoll li kienet saret laqgħa fejn it-tliet kontestanti ltaqgħu ma’ Louis Galea. Dawn it-tliet kontestanti kienu Bernard Grech, Roberta Metsola u Therese Commodini Cachia. Dak li naf jien huwa li Galea ma ridtx an open contest kontra Delia, imma ried li kontra Delia jkun hemm avversarju wieħed, għalkemm il-kunsilliera kienu vvutaw għal open contest. L-informazzjoni li għandi jien, hija li meta rat li Galea kien qed jagħmel ħiltu biex il-magħżul ikun Bernard Grech, Roberta Metsola għamlet il-punt tagħha u telqet il-barra.

Metsola kompliet tirrispondi li probabilment tissemma, għax hi titkellem u tieħu pożizzjonijiet fuq kull ma jsir Malta anke meta jkunu dwar kwistjonijiet diffiċli. Skond il-gazzetta hi kompliet hekk “F’Bernard Grech għandna Kap li għandu l-karatteristiċi kollha sabiex jimplimenta l-viżjoni tal-PN ladarba l-partit ikun fil-Gvern u sabiex jgħaqqad lill-partit.” Għal liema karatteristiċi qed tirreferi Roberta Metsola? Tgħid għal meta qal li l-ex-nazzjonalisti jridu jirrabilitaw ruħhom? Jew meta qallhom għandkom post artifiċjali fil-Partit? Forsi qed tirreferi għal meta qal li min ma jkollux attitudni tajba favur il-Partit mhux ser jitħalla jkun kandidat?

Biss dak li ħareġ ċar f’din l-intervista li Roberta Metsola ma qalet xejn dwar il-pożizzjoni politika tagħha fuq livell lokali. Qed iżżomm il-karti marsusa ma’ sidirha. Il-mistoqsija tibqa. Roberta Metsola kien imħajra ħafna, naħseb li għadha imħajra, imma ma tridx tikkummenta fuq il-futur, ħalli żżomm il-karti kollha miftuħa.

Għalqet l-intervista tagħha b’din is-sentenza: “Ilum fil-PN ninsabu magħqudin, biex nikkonfrontaw, biex niddiskutu u nagħmlu l-politika”. Jiena nħoss li rrid inżidilha kumment wara d-dikjarazzjonijiet li għamlet: magħqudin – daqs stoċċ gloy imħallat tajjeb mal-ilma, nikkonfrontaw – iva imma lil xulxin, niddiskutu – kontra xulxin, nagħmlu l-politika – jiddispjaċini l-politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista tgħoddhom fuq id waħda.

L-aħħar ħaġa fuq dan l-artiklu. Fl-aħħar tiegħu taraw din li qed tittella’ hawn taħt. Meta taraw dak ikun ifisser li dak l-artiklu qed jitħallas mill-Unjoni Ewropea. Tgħid Metsola qed tagħmel l-istess mal-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista u hekk tkun qed tgħin lill-Partit tagħha stess jew taf li gazzetti oħra bil-Malti qed jinqraw ħafna iżjed mill-gazzetti tal-PN?

Leave a Reply