Kif mistenni, Manuel Delia u sħabu ma qablux li Dr. Adrian Delia ġie approvat bħala kandidat Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Manuel Delia f’wieħed mill-aħħar artikli li kiteb qal li huwa impossibbli għalih li jifhem il-loġika ta’ kif Dr. Bernard Grech qal li approva lil Dr Adrian Delia bħala kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Ħa ngħidulu lil dan il-bniedem li jħaddem il-loġika ta’ ġenju li jaħseb li hu. Kemm infakkru fil-mossa ġenjali li kien għamel meta ġab il-bendy buses biex jgħaddu mit-toroq dojoq Maltin. Għalija dik hija ‘baffling logic’. Għalija dik hija xi ħaġa li impossibbli biex nifhimha. Tiftakru kemm kissru bankini dawn il-bendy buses biex setgħu jgħaddu mit-toroq limitati ta’ pajjiżna.

Manuel Delia, wara dik it-tgħaffiġa tal-Arriva, mingħajr ebda mistħija u bla l-iċken sens ta’ loġika ikkandida ruħu għax ħaseb li ser jitla’ sparat peress li kien jaħdem ma’ Austin Gatt. Fil-fatt tant il-poplu ma aċċettax il-loġika ġenjali tiegħu li Manuel Delia, mar-riżultat tal-elezzjoni, spiċċa jgħodd il-voti li ġab fuq id waħda. Wara ftit ġranet ta’ din il-mossa bla ebda sens ta’ loġika li kien għamel, sparixxa ġo Żimbabwe.

Bernard Grech ammetta li hu ma kellux problema b’Adrian Delia bħala kandidat. Dażgur li ma għandux problema b’Adrian Delia. Dr Grech jaf li Dr Delia huwa bniedem ta’ intelliġenza kbira u jaf, għax qal kemm-il darba , li Dr Delia iżomm kemm il-grupp parlamentari kif ukoll l-eżekuttiv ħaj bl-argumentazzjoni soda u valida tiegħu.

Le Sur Arriva, in-Nazzjonalisti jafu kemm ħadem biex imexxi l-Partit Nazzjonalista ‘il quddiem Dr. Adrian Delia. Dan mhumiex ser jinsewh fil-mument tal-prova. Li ma tridx tammetti Manuel Delia hija, li dawk li sikwiet tidher u titgħannaq magħhom ma felħux il-mod ġdid li ried iħaddan Dr Delia. Ma felħuhx għax kienu jafu li ser tinqatalhom iż-żejża. Kienu jafu li ser tbattilhom l-arroganza. Kienu jafu li kien ser ikollhom jinżlu minn fuq it-tron li ħasbu li akkwistawh għal għomorhom.

Sur Manwel Delia sħabek waqgħu għaċ-ċajt daqshekk, jekk mhux aktar minnek. Int immaġinajt it-toroq ta’ pajjiżek kbar u pruvajt titfa’ l-monstri fihom. Sħabek ħasbu li kellhom rashom kbira tant li ħasbu li kellhom xi dritt li jaħtfu Partit Nazzjonalista u jżommuh biex jużawh għall-gwadan personali biss. Manuel ormaj Malta u Għawdex kollha jafu li int m’intiex kuntent bl-għażla li għamilt int u sħabek li poġġejtu lil Dr Bernard Grech Kap tal-Partit Nazzjonalista. Int ktibt “Far be it from me to presume to know what Bernard Grech is thinking when he’s saying something else”.

Kumbinazzjoni meta qal hekk ma kienx qed juża kliem mill-ordnijiet miktuba tiegħek u ta’ sħabek li tellgħajtuh. Qal waħda minn żniedu u ma għoġbitkomx. Imma għal kuntrarju tal-arroganza u l-ġudizzju pjuttost fjakk tiegħek, Dr Bernard Grech jara l-preġji li għandu Dr Delia. Li hu żgur hu li għalkemm int ma tridux kandidat, Dr Delia żgur li jaqta’ figura ħafna aktar minnek. Issa jekk inti taħseb li Dr Grech m’għandux il-preġji biex ikun Prim Ministru, dak trid tarah int u sħabek, għaliex kontu intom li elevajtuh u tajtuh is-siġġu ta’ kap. Issa jiġġudikaw in-Nazzjonalisti.

Jistgħu jqabblu lil Dr Grech mal-klikka tiegħek u jaraw min għamel l-aħjar ġudizzju tal-karattru. Jekk hux int u l-klikka li poġġejtu lil Bernard Grech bħala Kap. Jew jekk hux Dr Grech li appoġġja lil Dr Delia bħala kandidat.

Mid-dehra li Dr Grech jieħu deċiżżjonijiet iebsa mhux ħierġa mill-pitazz tiegħek Sur Manuel. Jiena naqbel miegħek li jrid iwaqqaf xi kandidati li ma joħorġux għall-elezzjoni li ġejja. Imma jridu jkunu dawk li ġġakbinaw lill-kap tagħhom. Iridu jkunu dawk li marru jpeċilqu għand il-President ta’ Malta u rredikulaw lill-Partit tagħhom stess.

Jaħasra Manuel kiteb li ma jafx x’għamlu ħażin dawk l-eroj blue. Kiteb li jekk ma jħalluhomx jikkandidaw ruħhom ikunu weħlu minn eżami li Dr Delia jkun għadda minnu. Huma dawk li kissru Partit, dawk il-famużi eroj, li ma jixirqilhomx li jkunu fuq il-lista ta’ kandidati. Qabel ma jispiċċaw dawn, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jieħu r-ruħ. Għalhekk biex il-Partit Nazzjonalista jistejqer u jibda jerġa’ jaqbad art, irid jieħu deċiżjoni ċara u jitbiegħed minnek, Manuel Delia, u minn sħabek tas-soċjeta ċivili, li tirrenjaw billi toħolqu d-diviżżjonijiet f’dan il-Partit.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *