Joseph Muscat u l-awguri lil Deborah Schembri: qajmet mistoqsijiet kbar fost il-Laburisti

Ftit tal-jiem ilu, Joseph Muscat tella’ post biex jawgura lil Deborah Schembri fix-xoghol il-ġdid tagħha bħala  direttur ġenerali tal-MDA – il-Malta Development Association. Din hija assoċjazzjoni ta’ kuntratturi. Il-post huwa dan li ġej:

Nifhem li bħala ex-Prim Ministru għandu d-dritt li jawgura lil xi ħadd għall-kariga l-ġdida li jkun ħa. Deborah Schembri ħadet post Marthese Portelli fit-tmexxija tal-MDA wara li Portelli marret taħdem mal-Malta Chamber of Commerce.

Mhux ser nargumenta għaliex Joseph Muscat awgura lil Schembri iżda ma għamilx l-istess lil Marthese Portelli meta kienet ħadet hija dan il-post fl-MDA.  Anki jekk mhux ser nikkummenta, dan il-fatt, hu sinifikattiv ħafna. Joseph Muscat qed jawgura lil Deborah Schembi fuq livell personali għaliex iħoss li hija mara ta’ suċċess. Skont Muscat, Deborah Schembri hija mara li tagħmel analiżi eċċellenti u għandha d-don tal-komunikazzjoni.

Infakkar li Deborah Schembri kienet waħda minn dawk li qasmet minn mal-Partit Nazzjonalista għall-Partit Laburista. Deborah Schembri hija bint, xi ħadd qalli, tal-ġakketta blu. Sa hawn ma hemmx problemi. Kienet il-wiċċ fil-kampanja ta’ suċċess għad-dħul tad-divorzju f’Malta u hawn fejn wieħed jgħid li kellha komunikazzjoni eċċellenti.

Biss il-problema qegħda x’imkien ieħor. Verament Schembri għandha analiżi eċċellenti? Deborah Schembri kienet tmexxi id-Dipartiment tal-Artijiet u l-MEPA. Kienet is-segretarja parlamentari responsabbli minnhom. Deborah Schembri kienet il-persuna wara r-riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet u minflokha għamlet l-Awtorita’ tal-Artijiet. Infakkar li anki wara li spiċċat minn segretarja parlamentari, wara li ma kienetx telgħet fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, l-amministrazzjoni l-ġdida kienet qegħditha bħalha kunsulenta maż-żewġ awtoritajiet tieħu eluf ta’ ewros.   

Mhux ser niddejjaq ngħid li din ir-riforma fid-Dipartment tal-Artijiet kienet ħażina u falliet. Jien kont wieħed li ktibt kontra din ir-riforma. Kont vuċi tgħajjat fid-deżert. Illum kull ma kont għidt tani raġun. Kont anki mort fuq NET TV u SUPER ONE nitkellem kontriha. Kont ktibt blogs fuq il-Malta Independent nikkritikaha.

Tant kemm ma kienetx tajba din ir-riforma li għamlet Deborah Schembri li ċ-CEO ta’ din l-awtorita’ nbidel tliet darbiet f’erba’ snin. L-ebda CEO ma għamel it-terminu sħiħ tiegħu s’issa. It-terbulenzi kienu kbar bejn it-tmexxija tal-awtorita’ u l-bord li twaqqaf tant li spiċċaw anki rappurtati fil-media. Fuq kollox, is-suċċess ta’ din l-awtorita’ jiddeċiduh, fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċittadini li jiġu bżonn is-servizzi tagħha u mhux il-politiku. Dak li nista’ ngħid li kienet riforma maħsuba li tħares l-interessi tal-iżviluppaturi u mhux l-interessi tal-gvern – li hu s-sid tal-artijiet u wisq inqas taċ-ċittadin. Naħseb li din l-għażla tikkonferma dan.

Hija awl id-dinja, li MDA għażluha għaliex jgħarfu fiha potenzjal li jħares l-interessi tagħhom. Imma meta dan il-potenzjal hemm marbut miegħu l-fatt li hija kienet ex-Segretarja Parlamentari risponsabbli mill-planning u mill-artijiet kollha tal-Gvern, u kienet tagħti konsulenzi lill-Gvern fuq dawn l-awtoritajiet, ħatra bħal din ma tantx tħalli sens ta’ fiduċja fiċ-ċittadini. Turi li l-gvern ta’ Muscat kien aktar marbut mal-lobby tal-iżviluppaturi milli favur l-ambjentalisti.

Illum ħafna fil-Partit Laburista, fis-skiet mhux ser jaqblu mal-messaġġ li bagħat ex-Prim Ministru Joseph Muscat biex jifirħilha għaliex huma stess spiċċaw vittmi tar-riforma li saru fid-Dipartiment tal-Artijiet.

Biss wara din il-ħatra hemm punt ieħor li għandu jingħata mportanza. Kulħadd jaf li l-elezzjoni hija fil-qrib. Din id-deċiżjoni ta’ Deborah Schembri li tieħu din il-kariga ġdida hija ammissjoni min-naħa tagħha li mhux ser tikkontesta bħala kandidat f’isem il-Partit Laburista? Ma naħsibx li se tmexxi kampanja elettorali waqt li żżomm il-pożizzjoni ta’ direttur ġenerali tal-MDA!  

Leave a Reply