Rapport iebes tal-awditur dwar xogħol strutturali fuq blokok u kċina f’residenza ta’ St Vincent de Paul

It-Times of Malta waqt li tgħidilna dwar il-pubblikazzjoni ta’ rapport mill-Awditur Ġenerali dwar il bini u l-operat ta’ blokok residenzjali u kċina fir-residenża ta’ St Vincent de Paul ma tgħidilniex li dan ir-rapport sar għaliex kien Adrian Delia li bagħat il-każ għand l-Awditur Ġenerali. L-anqas ma tgħidlna minn kien il-perit ta’ dan il-proġett.

It-Times of Malta tirraporta li l-Awditur Ġenerali sab nuqqasijiet kbar fil-kuntratt enormi li sewa €274 miljun. L-Awditur qal li d-Dar Residenzjali, il-Ministeru tal-Familja u d-dipartiment tal-kuntratti “acted in breach of legislative provisions”. Kompla jingħad li nkissru diversi regolamenti, ma kienx koerenti mal-liġi u li minħabba f’hekk dan il-kuntratt jista’ jitqies bħala invalidu. Il-kuntratt iffirmat fl-2017 kien intrebaħ mill-konsorzju ta’ James Caterers Ltd u kumpanija sussidjarja ta’ DB Group.

St Vincent de Paul daħlu għal infiq ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ euro mingħajr ma staqsew għal permessi neċessarji mingħand il-ministeru tal-finanzi. Il-proġett deher li kien konkluż mingħajr l-approvazzjoni tal-kabinett jew tas-segretarji parlamentari responsabbli mid-dar residenzjali. L-awditur kompla li ma jistax jemmen ir-rwol tas-segretarji parlamentari responsabbli għall-proġett u qal “their failure to enquire as to the regularity of this procurement is in clear breach of their duty arising from the political post held”.

L-awditur enfasizza rregolaritajiet dwar il-bażi legali kif sar il-kuntratt, in-nuqqas ta’ awtorizazzjoni anke minn politiċi f’pożizzjonijiet għolja u xi partijiet tal-ftehim ġew jiswew ħafna aktar mill-valur ikkalkulat. Dan il-proġett beda b’valur ta’ €57 miljun għal bini ta’ kċina u servizz ta’ ikel għar-residenti, imma kellu rikjesta ta’ ‘additional investment’ għal żewġ blokok residenzjali u kontribuzjoni finanżjarja ta’ €1.5 miljun għal 10 snin. Wara proċedura negozjata l-kontribuzzjoni finanzjarja tbiddlet għal kostruzzjoni ta’ żewġ blokok addizzjonali.

Justyne Caruana kienet politikament responsabbli tal-proġett sal-2017. Warajha kien hemm Anthony Agius Decelis. Fil-fatt il-kċina kienet inawgurata minn Anthony Agius Decelis. L-awtorizzazjoni kienet mitluba mir-residenza, issapportjata mill-Minsitru tal-Familja u mogħtija mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ir-raġunijiet prinċipali kienu li ma kienx hemm kompetizzjoni u kien hemm urġenza kbira, xi ħaġa li l-awditur ma qabilx magħhom. L-awditur kompla jgħid li ma jistax jifhem kif ma kienx hemm approvazzjoni politika u lanqas l-approvazzjoni tal-gvern għal proġett tant maġġuri.

Fir-rapport insibu wkoll li meta tikkonsidra l-kobor tal-proġett u li n-negozzjati kien ilhom għaddejjien għal xhur sħaħ, l-awditur ma jistax jifhem kif proġett bħal dan ma ġibetx l-attenzjoni tas-Segretarji Parlamentari. Ikompli jgħid li ma jistax jifhem kif, għalkemm ma tressaqx quddiemhom għall-approvazzjoni, in-nuqqas li jistaqsu dwar il-proġett jindika nuqqas serju fix-xogħol tagħhom bħala tenuti tal-pożizzjoni politika. Ir-rapport jispeċifika li r-responsabilita’ politika nqabdet bejn żewġ amministrazzjonijiet. Michael Farrugia, Ministru, u Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari, responsabbli mill-ordni diretta u l-proċess ta’ offerta sa nofs 2017, u Michael Falzon, Ministru, u Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari, wara l-elezzjoni tal-2017.

https://timesofmalta.com/articles/view/nao-slams-274-million-contract-at-st-vincent-de-paul.868093?fbclid=IwAR1S8wSU_lbUT0uiLu5cSghb73VApMOLQF0bI81dWFGDKq69CzCnEsN9AyU

2 comments

Leave a Reply