Il-vot kontra Malta fil-Parlament Ewropew: x’rebaħ minnu l-Partit Nazzjonalista?

635 membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw favur riżoluzzjoni li espremiet tħassib kbir dwar l-aħbarijiet li ħerġin mill-investigazzjonijiet li għaddejjin fil-qorti ta’ Malta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hu vot qawwi kontra Malta.

46 ivvutaw kontra ir-riżoluzzjoni u 12-il membru astjena. Il-Gvern Malti qala’ tkaxkira u tbeżbiża papali. Biss x’ħa minn dan kollu il-Partit Nazzjonalista? Kien hemm xi kjuwijiet kbar quddiem id-Dar Ċentrali ta’ nies li jridu jittesseraw ruħhom fil-Partit Nazzjonalista wara dan il-vot? Daqshekk kellu effett qawwi fuq il-popolazzjoni Maltija u Għawdxija dan il-vot.

Il-Partit Nazzjonalista qed jifraħ li ttieħed dan il-vot qawwi kontra l-gvern u l-Partit Laburista. Jista’ xi ħadd mill-amministrazzjoni, possibbliment Dr Bernard Grech, jgħidilna x’akkwista l-Partit Nazzjonalista fuq livell nazzjonali? Taħseb li żied xi vot il-Partit Nazzjonalista wara dan il-vot fl-Ewropa? Jaħasra x’faqar ta’ ħsieb.

Ħalli nifthemu, il-Parlament Ewropew jagħmel sewwa li jieħu konsiderazzjoni ta’ dawn l-oxxenitajiet li qed nisimgħu f’pajjiżna. Jien ma niddejjaq xejn li l-club Ewropew, li tiegħu aħna membri, jiġbdilna widnejna u jwiddibna ħalli nitnaddfu sewwa u ngħaddu minn taħt din is-sħaba sewda li għaddejja minn fuq pajjiżna. Biss mhux sew li dak li qed jiġri biss f’Malta qed ikun indirizzat fil-Parlament Ewropew.

Hu tajjeb li ttieħed dan il-vot imma ebda partit speċjalment il-Partit Nazzjonalista m’għandu joqgħod jifraħ b’dak li ġara fuq livell lokali. Huwa diffiċli tifhem kif il-membri tal-Partit Laburista għamlu daqshekk plejtu biex din ir-riżoluzzjoni ma titressaqx meta jafu li kull ma qed jintqal huwa riżultat ta’ dak li qed nisimgħu kważi ta’ kuljum ġewwa l-qorti Maltija. Dak li missu għamlu raw sew l-affarijiet u ressqu argumenti sodi biex juru fejn qiegħed il-ħmieġ f’dan il-każ.

Jekk dawn l-erba’ membri Laburisti fil-Parlament Ewropew mhux ser ixammru u jaraw li toħroġ il-verita’ kollha wara dan il-qtil makabru ta’ ġurnalista, allura dawn qed jgħixu f’dinja oħra. Jekk l-istat ser joqgħod fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma ser jidħol fil-ħajt. Tant hu hekk li għalkemm għamlu ħilithom ma’ sħabhom u parlamentari Ewropew oħrajn, ma tantx ħadu riżultat tajjeb għax anke membri fil-grupp tagħhom ivvutaw mal-maġġoranza. In-numri jitkellmu waħedhom. 42 membru vvotaw magħhom. Naħseb li jridu jaħdmu aktar.

Il-membri parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista ma għandhomx għalfejn idoqqu trombi li għamlu xi rebħa. Għad fadal ħafna verita’ x’trid toħroġ f’dan il-każ. Li ċorma nies minn pajjiżek qegħdin il-qorti, u nispera u nittama li kulħadd jieħu dak li ħaqqu, dejjem jekk ħaqqu, ma huwiex xi ħaġa li għandna għalfejn inkantaw fuqha. Din hija xi ħaġa li qed tkisser lil Malta fuq livell ta’ reputazzjoni internazzjonali.

Li kulħadd għandu bżonn jifhem huwa li fl-2021 ebda pajjiż, ebda individwu, ebda politiku ma jista’ jaħrab jekk jikkommetti l-iżbalji. Mhux Malta biss hija żgħira. Illum, id-dinja saret żgħira għax kull ma jiġri f’kull rokna tad-dinja nsibuh quddiemna, fuq il-compjuter tagħna, f’radda ta’ salib. Mela jekk il-Parlament Ewropew irid jara li kull pajjiż membru tiegħu mixi sewwa u kif suppost m’għandux għalfejn jiġi mbuttat minn ħadd. Kull ma jrid jagħmel xogħolu sewwa u jkun jaf b’mod dirett dak li jkun qed jiġri f’kull pajjiż, u fejn hemm bżonn jieħu passi.

L-aħħar kumment ser inħallih għal Simon Busuttil. Eżattament dan x’qed jagħmel fi Brussel? Sa fejn naf jien dan qiegħed segretarju tal-EPP. Mela bħala segretarju ta’ dan il-grupp, li allura suppost qed jaqdi dmiru f’isem il-pajjiżi kollha membri tal-EPP, għalfejn qed iħossu ferħan ser itir b’dak li ġara dwar Malta? Tgħid din ir-riżoluzzjoni tressqet għax imbotta hu?

Fl-opinjoni umli tiegħi, jekk hu hekk, allura l-EPP għandhom problema bis-segretarju tagħhom. Il-pożizzjoni tiegħu titlob li jgħola iżjed mill-partiġjaniżmu ta’ pajjiżu. Fuq livell lokali nħallu lill-ġustizzja tagħmel xogħolha u b’konvinzjoni ngħid tagħmlu tajjeb, imma jekk jista’ jkun b’pass mgħaġġel ħa nitfgħu warajna dan l-isfreġju. Biss fuq livell internazzjonali huwa dover ta’ kulħadd li jaħdem, mhux biex nieħdu pjaċir naraw lil pajjiżna jinżel iżjed fil-ħama, iżda biex bħala poplu Malti, aħna min aħna u naħdmu fejn naħdmu, nagħmlu ħilitna biex nelevaw lil pajjiżna fuq l-għola pedestal prestiġjuż.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *