Ryan Callus għandu jinterpreta l-għajta tal-votant Nazzjonalista sewwa

Blog post minn osservatur politiku

Fuq program fuq ir-radio, immexxi minn Andrew Azzopardi, Ryan Callus kellu tweġiba interessanti u li ta’ min jikkunsidraha. Andrew Azzopardi staqsa lid-deputat Nazzjonalsita Ryan Callus jekk jaqbilx ma’ Dr Bernard Grech meta għadda messaġġ ‘out with the old in with new’. Ryan Callus irrisponda hekk:

“Il-Kap irid jinftiehem għad-diskors li għamel. L-intenzjoni tal-Kap hija illi l-Partit Nazzjonalista bħal kull organizzazzjoni, jiġifieri l-Labour ukoll għadda minnha. Sewwa illi jkollok riġenerazzjoni ta’ Partit. Din dejjem tiġri f’kull organizzazzjoni inkella dak il-Partit jew organizzazzjoni ma tibqax ħajja u allura jien interpretajt lill-Kap u li naf għax nitkellem miegħu ras-imb-ras hija li hu bħala Kap li issa ġie elett mill-maġġoranza tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista u llum Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkollu l-liberta’ illi jimplimenta t-tibdiliet kollha li hemm bżonn u jien naħseb hemm iva kif qal hu tagħlimiet illi l-Partit irid jieħu għaliex ħadd ma hu perfett u l-importanti li nitgħallmu minn dawk it-tagħlimiet u nimxu ‘l quddiem pero m’għandix dubju li l-intenzjoni tal-Kap hija li jkollna Partit li magħġun bl-esperjenza tad-deputati flimkien ma uċuh ġodda kandidati ikun il-Partit li jippreżernta lilu nnifsu bħala għażla alternattiva ta’ gvern alternattiv għall-pajjiż”.

Ħa naraw ftit kemm din ir-risposta qasira tirrifletti s-sewwa. Qalilna li sewwa li l-Partit jirriġenera ruħu. Tajjeb u naqbel. X’prova jagħmel Adrian Delia? U x’għamel Ryan Callus biex jgħinu? Bsaten fir-roti biss.

Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista irid jibqa’ ħaj. U kif! Imma fi żmien Adrian Delia int kemm-il darba ppruvajt toqtlu metaforikament. Ryan Callus qal li hu qiegħed interpreta lill-Kap. Qatt xi darba interpreta lil Dr Delia? Jew kont imxewwex u moħħok magħluq li ma għamilt l-ebda interpretazzjoni, imma għamilt ħiltek kollha biex ittajru mingħajr ma tagħtih ċans jagħmel l-interpretazzjoni tiegħu?

Ryan Callus qalilna li jitkellem ma’ Bernard Grech ras-imb-ras. Tant jitkellem miegħu li ma jafx x’ried jgħid Grech b’din l-istqarrija għax qed jinterpretah. Għax ma tkunx onest għal darba u tgħidilna li ma kontu tafu b’xejn u wara għamiltu plejtu?

Ryan Callus, int kont wieħed minn dawn li għajjatlek Dr Grech u qallek ‘please support me’?

Ryan Callus qal li Bernard Grech ġie elett mill-maġġoranza tat-tesserati. Int bis-serjeta? Mela kif ġie elett Dr Delia? Issa aċċettajtha d-deċizzjoni tat-tesserati? Għaliex ma aċċettajtiex fl-2017? Għaliex ħdimt kemm flaħt kontra tagħha u ġejt titmellaħ mill-vot tat-tesserati bħali ta’ dak in-nhar? Int taħseb li ser ninsew jaqaw?

Ryan Callus qalilna li Bernard Grech għandu jkollu l-liberta’. Kemm huwa sewwa li kieku Ryan Callus ħalla lil Delia jaħdem bil-liberta’ kollha. Kemm-il darba telliftlu l-liberta biex jaħdem lil Dr Delia?

Inti aċċettajt il-mod ġdid tal-politika li kien ippropona Dr Delia? Jew kont attakkajtu mill-ewwel ġurnata mingħajr ma kont taf eżattament x’kien fih il-mod ġdid?

Kompla li Bernard Grech għandu jieħu t-tagħlimiet. Mela issa jista’ jieħu t-tagħlimiet Dr Grech? Tiftakar li int kont wieħed minn dawk li ma tajtux ċans jitgħallem lil Dr Delia għax għamiltlu l-ħsara mill-ewwel ġurnata?

Qal ukoll li jrid jimxi ‘l quddiem. Jekk ma’ Dr Grech trid timxi ‘l quddiem għaliex ma’ Dr Delia mill-ewwel ridt timxi lura? Tiftakar kemm telliftu lil Dr Delia kemm fil-grupp parlamentari kif ukoll fl-eżekuttiv? Aħna nafu sewwa.

Qalilna wkoll li m’għandux dubju dwar il-ħidma ta’ Dr. Grech. Allura għaliex kellek dak id-dubju kollu għal kull mossa li kien jagħmel Dr Delia?

Qal ukoll li Dr Grech għandu l-intenzjoni, nispera li rrefera għalija bħala tajba. Mela għaliex kull ma għamel Dr Delia kien interpretat minnek bħala intenzjoni ħażina għax kont tikkritikah fuq kollox?

Ryan Callus qalilna li m’għandux dubju li Dr Grech irid taħlita ta’ esperjenza ma’ uċuh ġodda. Fejn taf Ryan Callus? Għax lanqas Andrew Azzopardi ma fehmu hekk. Imma x’wiċċ irid ikollu deputat li tant ħadem biex ikisser Kap tiegħu stess, Kap li tela’ b’mod mill-aktar demokratiku, fi żmienu, mingħajr ma tajjar lil ħadd, biex illum jitkellem b’dan il-mod!

Sewwa qallek Ryan Callus li int kont wieħed mill-blue heroes li għandhom bżonn jiddikjaraw kemm jista’ jkun malajr li m’humiex ser tkunu fuq il-lista ta’ kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista. Bl-arroganza u bil-ħażen tagħkom ġibtu Partit Nazzjonalista għarkubbtejh.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *