Ix-xettru tan-negattivita’ fil-Partit Nazzjonalista

Ix-xettru tan-negattivita’ żgur li ma għaddhiex f’idejn Adrian Delia. Biss żgur li wirtu bl-għeruq u x-xniexel Bernard Grech u ħafna min-nies ta’ madwaru. Imma possibbli l-maġġoranza tal-membri tal-partit fl-oppożizzjoni jridu bil-fors ikunu dejjem negattivi f’kull kumment li jiktbu u f’kull diskors li jagħmlu speċjalment fil-Parlament.

Dan ix-xettru tan-negattivita’ ddaħħal fil-Partit Nazzjonalista wara li Simon Busuttil beda jieħu parir mingħand Daphne Caruana Galizia u s-segwaċi tagħha. Infakkar li Daphne Caruana Galizia kienet wara l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista tal-2017. Minħabba dan d-diskors vojt qala’ l-akbar tkaxkira fil-ħajja politika minn żmien l-indipendenza ‘l hawn.

Niftakruh bħala Kap tal-Partit jittratta l-korruzzjoni fuq kull livell tal-ħajja politika u anke aktar. Kien għamel mill-korruzzjoni l-kruċjata prinċipali tiegħu u forsi għalhekk għamel straġi sħiħa fl-elezzjoni tal-2017 għax ikkonċentra biss fuq messaġġ negattiv immens. Ma kienx ħażin li wieħed jitkellem fuq il-korruzzjoni li kienet għaddejja, u jien naqbel li kull min jiċċappas irid jgħaddi l-proċess ta’ tindif jew ta’ kastig dejjem skond kif titlob il-liġi, imma dan ma jista’ jkun l-uniku argument f’kampanja elettorali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa jitkellem dejjem b’mod negattiv fuq kull ma kien jagħmel il-Gvern ta’ Joseph Muscat għaliex hekk kienet qaltlu jagħmel Daphne Caruana Galizia. Apparti l-allegazzjonijiet li hemm u ejja nħallu l-ġustizzja tagħmel xogħolha, imma kull meta smajt lil Simon Busuttil jitkellem ħlief imaqdar ma kienx. Dan ma kienx Simon Busuttil ta’ qabel 2013!

Allura tkaxkar minn negattivita’ li fl-opinjoni tiegħi l-Partit Nazzjonalista qatt ma ra bħalha. Daphne Caruana Galizia kien irnexxilha tpoġġi din in-negattivita’ fuq spallejn il-Viċi-Kapijiet tiegħu. Kemm smajna lil Beppe Fenech Adami u lil Mario de Marco jitgħajru u jgħaddu kummenti negattivi fuq l-avversarji politiċi tagħhom. Imma possibbli ebda Ministru jew Segretarju Parlamentari ma kien jagħmel xejn tajjeb jew ftit tajjeb. Kollox ħażin kienu jagħmlu. Fuq kollox kienu jsibu x-xagħra fl-għaġina meta l-ekonomija kienet sejra tajjeb.

Adrian Delia ma aċċettax dan l-istil ta’ politika u din kienet il-vera raġuni għala Daphne Caruana Galizia attakkatu. Prova kemm felaħ jbiddel l-istil. Għalkemm ma rnexxilux, jew ma ħallewhx idaħħal dan il-mod ġdid ta’ politika, għadni sal-lum nisimgħu jitkellem u jfaħħar jew jirringrazzja lill-membri tal-gvern meta jistħoqqilhom. Ma jfissirx li ma jikkritikax. Imma jagħmel dan bi stil totalment differenti. Stil li sa ċertu punt jiddispjaċini li ma ħallewhx jibni fuqu iżjed.

Illum dan l-istess żball qed jagħmlu Bernard Grech. Illum il-Partit Nazzjonalista huwa mill-ġdid immexxi mill-istess ħsibijiet li kienet tmexxi Daphne Caruana Galizia ġewwa dan il-partit u b’hekk erġajna koppi. Bernard Grech spiċċa kantaliena ta’ negattivita’. U ta’ madwaru bħalu. Donnhom għadhom ma rrealiżżawx li dan l-istil kisser lil Simon Busuttil.

Imma kif il-PN ma jitgħallem qatt. Smajna l-bieraħ lil Mario de Marco jokrob u jeqred li 20 miljun euro huma farka bħala għajnuna lin-negozji. Imma ma setax almenu qal li tajjeb li ttieħdet din l-iniżżjattiva u forsi wkoll seta’ żied li kien jistenna aħjar. Imma possibbli, Dr de Marco, 20 miljun euro għalik ma huma xejn? Huma farka? Anke jekk forsi kienu bidu, mhux tajjeb li jibdew b’20 miljun euro?

Imma hemm għalfejn tgħaddi kumment bħal dak lil Illum u tikkonsidra xi ħaġa bħal din bħala xi ħaġa li missa saret aħjar. Mhux ovvju li kollox jista’ ikun aħjar. Imma stajt staqsejt għaliex waslu sa hawn, u ma kienx hemm għalfejn tasal għal konkluzjoni daqstant negattiva’.

Jekk il-PN mhux ser jibdel l-istill tal-politika, fl-oppożizzjoni jibqa’ sakemm tibqa’ din il-ġenerazzjoni ta’ politiċi.

Leave a Reply