Kif jirraġuna l-establishment fil-Partit Nazzjonalista.
Blog post minn Partitarju Nazzjonalista
Il-problemi tal-elettorat mal-establishment tal-Partit Nazzjonalista jmorru lura għal meta Eddie Fenech Adami kien kap ta’ dan il-Partit. Infakkar li minn wara r-rebħa elettorali tal-1998, il-Partit Nazzjonalista dejjem tilef kull elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-poplu beda juża dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biex jiġbed widnejn il-gvern tal-ġurnata għax beda jħoss li l-Partit Nazzjonalista kien mixi ħażin iżda ma kienx f’pożizzjoni li jerġa’ jafda l-pajjiż f’idejn Alfred Sant.
Is-sitwazzjoni ma tjibitx taħt Lawrence Gonzi. Fl-2004 kellna l-elezzjoni tal-Parlament Ewropej. Anki jekk kien il-Gvern Nazzjonalista li daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropa, il-poplu ta’ maġġoranza lill-Partit Laburista mmexxi minn Alfred Sant f’dawn l-elezzjonijiet.
Imbagħad ġiet l-elezzjoni tal-2008. Il-PN rebaħ din l-elezzjoni b’elf vot. Nitfakru li dak in-nhar l-ispjegazzjoni kienet li l-messaġġ tal-PN ma kienx wasal biżżejjed. Id-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista qalu li poplu bagħtilhom messaġġ u ser nagħtu kasu. “Irridu nitgħallmu minnu” qalulna. Imma baqa’ kollox għaddej kif kien.
Ġiet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009. Il-poplu ivvota għal darba oħra lil min ried iċaħħadhom milli Malta tkun membru tal-Unjoni Ewropea. Wara rajna jirreżenjaw uffiċjali u membri Parlamentari Nazzjonalista mill-partit.
Imbagħad jibda l-inkwiet ma’ Franco Debono. Debono jwaqqa’ il-gvern ta’ Gonzi. Dawk li kienu kontra Gonzi ġew deskritti bħala n-nies irrelevanti. L-għajta kienet li dawn kien inxtraw mil-Labour u b’hekk kellhom intenzjonijiet ħżiena. Mela t-tort mhux tal-Partit Nazzjonalista iżda tagħhom.
Il-PN jitlef bil-kbir l-elezzjoni tal-2013. L-ispjega mogħtija mill-establishment tal-PN kienet li Joseph Muscat rebaħ għax wiegħed kollox lill-kulħadd. Il-PN jordna rapport tat-telfa. Iżommuh fil-kexxun u jibqa’ għaddej kollox kif kien qabel. It-tort mhux tal-PN imma tal-Labour li rebaħ l-elezzjoni.
Simon Busuttil isir kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista jaqla’ tkaxkira oħra fil-parlament fl-Ewropew 2014. L-ispejga kienet li n-nies iridu gvern korrott. Il-Partit Nazzjonalista xorta jirnexxilu itella’ 3 siġġijiet u allura jibqa għaddej bl-istess strateġija.
Tiġi l-elezzjoni tal-2017. Il-PN jitlef din l-elezzjoni b’40K vot. Ir-risposta kienet li dan il-gvern xtara lill-kulħadd. Il-Partit Nazzjonalista jibqa għaddej bl-istess mod kif kien qabel.
Adrian Delia jsir Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jbati fis-surveys matul l-2018 u l-2019 u l-2020. It-tort hu kollu ta’ Adrian Delia għaliex ried jitlaqha ma’ Yorgen Fenech. Fil-frattemp, il-PN jitlef b’42K l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li saru fl-2019 u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. It-tort ġie mogħti kollu lil Adrian Delia.
B’hekk Delia jitwarrab u jiġi Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kull survey minn Ottubru 2020 sa April 2021 baqa’ juri li l-Partit Nazzjonalista xorta ħa jitlef bejn 30 u 40 elf vot. Din id-darba ma setax jeħel Adrian Delia. Minflok, l-establishment beda jwaħħal f’Robert Arrigo, David Agius u Karm Mifsud Bonnici u ftit oħrajn. Fuq kollox, beda jingħata tort lejn l-edukazzjoni f’pajjiżna. Beda jingħata li “għandna poplu injorant”. Ara meta tneħħa Adrian Delia, kien ingħad kemm hu bravu u intelliġenti l-poplu Malti li fehem il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista. Biss dawk li qed iwaħħlu fl-edukazzjoni nsew li l-edukazzjoni li għandha llum hija prodott ta’ Gvern Nazzjonalista li għal 25 sena mexxa l-edukazzjoni ta’ pajjiżna. Min qed jivvota illum huwa frott tal-edukazzjoni li ħa taħt il-Partit Nazzjonalista.
Qabel l-establishment jifhem li t-telfiet li ilu jġarrab il-Partit Nazzjonista huma kollha l-kawża tal-attitudni ħażina, kif ukoll ta’ ħdura kontra nies stess Nazzjonalisti, il-Partit Nazzjonalista qatt m’hu se jimxi ‘il quddiem.
Wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jibdel ir-rotta. Jekk ħa tibqa għaddej b’din il-mentalita’, il-poplu ser jibqa’ jivvota l-Labour għax il-poplu mhux injorant. Il-Partit Nazzjonalista ħa jibqa’ fl-oppozizzjoni għal dejjem għaliex il-poplu huwa mxabba mill-arroganza u l-ħdura ta’ ċertu nies.