Grech bagħat għal Dr. Adrian Delia biex jgħinu. Imma l-feriti għadhom miftuħa.

Dr Christian Grima tella’ post fuq il-Facebook Page tiegħu. Dr Grima qed iressaq argument, u għandu kull dritt, li deputati li għadhom hemm u li kienu l-kaġun ta’ telfiet kbar, għandhom iwarrbu. Hu qed ikompli jargumenta li minħabba dawn l-istess deputati, pajjiżna qiegħed b’oppożizzjoni fjakka ħafna. Fost il-kummenti kien hemm tnejn li normalment huma ostili lejja. Ma ġara xejn. Waħda minnhom irrisponditu u qalet li issa għandna oppożizzjoni serja, integra u onesta.

Dan il-kumment qanqalni biex nagħti ftit eżempji oħra li ġejjin mill-Kap tal-Partit preżenti, Dr Bernard Grech stess. Dan il-kliem qalu Dr. Grech waqt inkontri li kellu ma xi nies fl-uffiċju tiegħu u nħalli f’idejkom biex tiġġudikaw intom.

F’artiklu ieħor fuq dan is-sit, ġa tajt eżempju ta’ kif irrisponda Dr Grech lil dawk li kkritikaw lil Jason Azzopardi. Qalhom ‘qed tara wisq is-Super One’. F’dan l-artiklu ser ngħid xi kummenti li ta Dr. Grech lil persuni li kienu ma’ Dr. Delia u bagħat għalihom Dr. Grech biex ikellimhom. Dawn huma persuni li għadhom ma aċċettawx li Dr Delia twarrab wara li huma kienu vvutawlu għall-leġiżlazzjoni sħiħa, jiġifieri sal-elezzjoni ġenerali.

Meta whud minn dawn in-nies semmewlu lil Jason Azzopardi u lil Karol Aquilina, Dr Grech beda jiddefendihom. Imma kif semmewlu lil Dr Adrian Delia t-tweġiba kienet ‘nippretendi ħafna aktar minnu’.

Meta persuna oħra semmietlu ż-żmien ta’ attakki fuq Dr Delia minn ta’ madwaru r-risposta ta’ Dr Grech kienet: ‘fi żmien Dr Delia il-Partit kien qed jegħreq’. Issa kulħadd jaf li Dr Grech hu għaddej minn attakki kbar kontra tiegħu minn uħud li eleġġewh. Fil-fatt, kont irrappurtajt li kien anki bagħat għal xi deputati u qallhom ‘please support me’. Fost id-deputati li bagħat għalihom kien hemm Dr Adrian Delia! Dan is-sit jista’ jiżvela, li Dr. Delia mar bla problemi ta’ xejn jiltaqa’ ma’ Dr. Grech. Fuq kollox, Dr. Delia mhux biss wegħdu l-għajnuna tiegħu iżda beda javviċina nies minn tiegħu stess u jħeġġiġhom biex jiltaqgħu ma’ Dr. Bernard Grech ħalli din il-qasma li dawn ir-ribelli kkreaw fil-Partit Nazzjonalista tispiċċa.

Niftakru tajjeb li l-Viċi Kap, Mr Robert Arrigo, jgħid li fi żmien Dr Delia rnexxielhom iwaqqfu l-emoroġija u ż-żieda fid-dejn tal-Partit Nazzjonalista. Niftakruh jgħid ukoll kemm kienu naqsu r-rati tal-interessi mal-banek. Niftakru lil Dr Delia jgħid li bħala uffiċċju hu, fi żmienu, mexxa l-uffiċċju tal-kap bl-inqas ammont ta’ flus. Tlett indikazzjonijiet ċari ħafna ta’ kif kien qed jiġi mrażżan id-dejn tal-Partit.

Għala qed ngħid dan? Dr. Grech waqt waħda mill-laqgħa li kellu ma’ sostenitur ta’ Dr Adrian Delia, qallu li ‘fi żmien Delia l-finanzi kienu jgħidu li ġejjin għall-aħjar imma meta dħalt jien sibt li d-dejn żdied’. Nispera li din mhix minnha, imma jekk hija minnha, għandu jistħarreġ sew min qed jgħaddilu l-informazzjoni lil Dr. Grech.

Imma l-ikbar tnejn li smajt huma li kien hemm min waqt il-laqgħa semmielu l-verżjonijiet differenti li ta fuq l-abort. Dr Grech wara li qal li mhux veru, kompli li ‘Adrian Delia għamel kampanja maħmuġa’. Meta xi ħadd ieħor semmielu l-problemi li kellu mat-taxxa u l-VAT, Dr. Grech reġa’ bl-aktar mod skjett, qal li  ‘Adrian Delia għamel kampanja maħmuġa’ kontra tiegħu’. Jiddispjaċini nżid, li din il-verżjoni smajtha minn aktar minn persuna waħda.

Mela dik is-sinjura li kitbet il-kumment mehmuż, għandha tinduna li l-Partit Nazzjonalista mhux sejjer għal din l-elezzjoni bħala pajjiż magħqud.

Il-feriti tal-kampanja ta’ kap għadhom miftuħa u dan juri kemm hu ħażin li l-elezzjoni ta’ kap ġdid issir ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali.

Leave a Reply