Għaliex Kristy Debono ser taffaċċja problemi fuq id-disa’ distrett?

Fl-artiklu li deher il-bieraħ fuq dan il-blog tkellimt dwar il-fattt li Dr Jason Azzopardi qal li ser jikkontesta fuq id-9 distrett. B’din l-aħbar, Jason Azzopardi seta’ ħasad lil xi nies li huma sostenituri tal-Partit Nazzjonalista, imma iżjed li dawk li jissimpatizzaw ma’ Kristy Debono.

Kristiy Debono hija membru fil-Parlament grazzi għall-vot qawwi li hija rnexxielha tieħu fl-aħħar elezzjoni fid-9 distrett. Kulħadd jiftakar li Kristy Debono kienet mill-bidu net issostni li Adrian Delia għandu jieħu s-siġġu ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Tant kien hekk li żewgha Jean Pierre Debono kien id-deputat li ċeda s-siġġu lil Adrian Delia biex daħal il-Parlament. Iżda b’mod infeliċi ħafna, Ms Debono daħlet f’ħafna nkwiet li kkaġunalha diversi problemi.

Kienet hi li akkumpanjat lil deputat ieħor Hermann Schiavone u spiċċat f’meeting ma’ Yurgen Fenech tat-Tumas Group. Minn dak in-nhar il-ħajja politika ta’ din id-deputat tbiddlet ta’ taħt fuq. Biss meta wasal iż-żmien ta’ deċiżjonijiet iebsa fil-Partit Nazzjonalista, hija kienet waħda minn dawk li abbandunat lill-Kap tagħha Adrian Delia u ngħaqqdet mar-ribelli. Sabet ruħha fuq il-lista tal-famużi sbatax-il Blue Hero li kien xandar l-istess Jason Azzopardi.

Illum lil Kristy Debono, dawn l-istess nies li ngħaqqdet magħhom ser ipoġġuha f’sitwazzjoni li ser ikollha tiġġieled mhux ftit biex iżżomm is-siġġu tagħha fil-parlament. Dawn l-istess nies imbuttaw lil Jason Azzopardi fuq id-disa’ distrett biex ikun hu li jipprova jieħu xi ftit voti minn ta’ Repubblika. Din il-klikka taf li wieħed mill-front liners ta’ Repubblika, huwa l-avukat tal-familja Caruana Galizia. Dan jista’ jisraq voti li qabel kienu ta’ Kristy Debono.

Meta tara u tifhem dawn il-manuvri mill-kollegi tiegħek, tibda tinduna li anke f’din il-klikka hemm dawk tal-ewwel tier u dawn jagħtu d-daqqiet lil min jiftlielhom. Ara kif qed jaħdmu ma’ Kristy Debono dawn l-istess nies, wara li kkonvinċewha tingħaqad magħhom, wara li paxxithom bil-vot tagħha f’kull vot ta’ sfiduċja mitlub mir-ribelli kontra Adrian Delia. Wieħed irid jiftakar li isimha ġie mniżżel bħala waħda mir-ribelli u anki marret għand il-President toffrilu n-narrattiva tal-istess ribelli li hija kienet konvinta li Adrian Delia għandu jitwarrab.

Issa qed tinduna kif taħdem il-klikka. Qed tinduna issa li ma għadhiex Blue Hero. Qed tirrealizza issa li wżawha bħal-lumija, usata e gettaa (użata u mormija). Naħseb li qed tifhem il-logħba politika maħmuġa tar-ribelli li għax Jason Azzopardi, forsi huwa iżjed tal-qalba, tefgħuh fuq id-distrett fejn titla’ hi u jafu li biex jitla’ Jason Azzopardi, iċ-ċans hu li titlef postha hi.

Qed tara issa kif jaħdmu dawn in-nies, jużawk, jwarrbuk u fl-aħħar iwaħħluhulek. Imbagħad bl-aktar mod oxxen, hemm min jgħid li xorta jirnexxielha tidħol fil-parlament bil-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rappreżentanza ugwali. Imma jistgħu jgħidu li jridu li tista’ tieħu postha xorta waħda, għax id-daqqa politika kważi mortali jkunu tawielha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *