PGD u l-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Fuq l-IVF, Dr Bernard Grech qed jinqabad bla tweġiba. L-aħħar waħda kienet fuq is-suġġett tal-PGD (Pre-implantation genetic diagnosis). Dr Grech kull darba li jiġi mistoqsi dwar xi ħaġa li tagħha ma jkollux risposta, iwieġeb billi jgħid li dak is-suġġett partikulari għad irid jiġi diskuss internament. Id-diskussjoni fuq is-suġġett tal-PGD diġa ttellgħat għad-diskussjoni ftit tax-xhur ilu fil-grupp parlamentari Nazzjonalista. Anżi minn żmien iktar qabel kif ġie msemmi f’artiklu preċedenti fejn ġew mogħtija aktar dettalji.

F’din ir-riflessjoni tiegħi, irid nikkonċentra fuq is-sitwazzjoni li qed jinqabad fiha Dr Bernard Grech. Wara l-mawra tiegħu fil-birrerija Farsons, ġurnalist staqsieh x’ser tkun il-pożizzjoni tal-Partit tiegħu meta r-riformi msemmija mill-Ministru Fearne jitressqu għad-diskussjoni fil-parlament. Dr Grech qal li l-Ministru Fearne tefa’ din l-idea tal-PGD li ser titressaq għad-diskussjoni biex b’mod intelliġenti jipprova jnessi l-gidba li skond Dr. Grech qal Dr. Fearne li l-IVF hija b’xejn għall-kopji.

F’dan il-battibekk li rriżulta fuq il-kwistjoni tal-IVF, xi ħaġa li dan is-sit ta importanza kbira, u li naħseb kompla ta palata kbira biex dan is-suġġett jitla’ bi prominenza għad-diskussjoni nazzjonali. Biss Dr Grech reġa’ instab nieqes minn risposti diretti. Reġa’ dar mal-lewża u ħarab minn risposta skjetta billi jgħid, bħal drabi oħra, li dan is-suġġett qiegħed għad-diskussjoni fil-grupp parlamentari.

Niftakar tajjeb diskussjonijiet interni fuq suġġetti delikati u sensittivi li saru fi ħdan il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Niftakar ukoll il-pożizzjonijiet meħuda minn kapijiet diversi f’dawn l-aħħar snin fuq suġġetti bħal dawn. Biss jien ser nirreferi biss fuq il-pożizzjoni meħuda mill-Kap, Dr Adrian Delia. Dr Delia kien għamilha ċara li meta jitilgħu suġġetti li jinħassu jew jirrikjedu deċizzjonijiet li jistgħu jolqtu membri fil-grupp b’mod differenti fuq livell ta’ moralita’, huwa kien iddikjara li fuq dawn is-suġġetti sensittivi kien ser jagħti l-free vote. Dan kien għamlu għax ma riedx jimponi fuq ħadd deċizzjoni jew jittieħed vot li jista’ iweġġa’ lil xi individwu fuq livell morali.

Dr Grech konxju li meta jersqu quddiem il-grupp parlamentari, suġġetti bħal dawn, hemm opinjonijiet morali diversi. Jaf tajjeb li dawn huma suġġetti li jistgħu jiddividu l-membri tal-grupp Parlamentari Nazzjonalsita. Nafu li jeżistu wkoll opinjonijiet totalment estremi wieħed mill-ieħor f’dan l-istess grupp. B’riżultat ta’ dan, Dr Grech reġa’ qagħad lura biex jieħu pożizzjoni. Jaf tajjeb li jekk jipprova jimponi idejh ser isib lilu nnifsu f’pożizzjoni antipatika ħafna.

Dr Grech irid joqgħod attent minn qsim fil-grupp parlemntari tiegħu. Barra minn hekk Dr Grech qed jagħti x’jifhem b’dawn il-ħafna risposti nkonklussivi li qed jibża’ mill-grupp parlamentari tiegħu. Mela Dr Grech x’ser jagħmel issa? Hu dejjem jgħid li qed imexxi grupp magħqud li jaħdem. Hu jinsisti dwar il-fatt li hu jasal għall-qbil u jieħu pożizzjoni waħda fuq kull vot rikjest.

Imma issa li ser jiffaċċja ruħu fuq suġġett li joqros fil-laħam il-ħaj fuq livell morali, x’ser jagħmel? Ser jikkoppja lill-kap ta’ qablu u jagħti free vote lill-grupp parlamentari tiegħu? Jew ser jgħid lil dawk id-deputati li mhux ser jaqblu mal-pożizzjoni li jrid jieħu li ma għadx hemm post bħala kandidati fil-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li ġejja?

Leave a Reply