Where your opinion counts

Għaliex Jason Azzopardi ser joħroġ fuq id-disa’ distrett?

Dr Jason Azzopardi jagħti scoop lil Saviour Balzan u mhux lit-Times of Malta. Fis-sitt paġna tal-gazzetta ta’ Balzan, Malta Today, għamlitilna artiklu fejn qed tinfurmana li Dr Azzopardi ser ikun qed jikkontesta l-elezzjoni li ġejja fuq id-disa’ distrett. Dan minbarra li ser joħroġ fuq ir-raba’ distrett fejn jiftaħar li ilu jirrapreżenta lil votanti ta’ dan id-distrett fil-1998.

Fejnha l-iscoop? Din l-aħbar ġa dehret fuq dan is-site. Dan is-site kien żvela li numru ta’ Nazzjonalisti li joqgħodu fir-raba’ distrett, il-biċċa kbira minnhom f’Raħal Ġdid, qalu kemm-il darba li fl-elezzjoni li ġejja mhux ser jivvutawlu. Ħafna jħossuhom skomdi li jerġgħu jivvutawlu. Oħrajn qed jgħidu li mhux ser jaħfruhielu għal dak li għamel lil Dr Adrian Delia, li matul is-snin tiegħu fit-tmexxija, kellu u għad għandu ħafna ammiraturi u sostenituri fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Il-Malta Today aċċettat u ppublikat din l-aħbar fil-gazzetta tagħha, imma s’issa għadha ma telgħathiex fuq il-portal tagħha. Jekk xejn ikkonfermat li dan is-site ma jippubblikax fake news.

Din l-aħbar fil-Malta Today x’qed ittina x’nifhmu? Kull storja li hija verament storja l-Malta Today mill-ewwel taqsam mas-sostenituri tagħha wara li tkun ippubblikata fil-gazzetta. Din id-darba, jidher li għadu ma ġarax hekk.

Milli jidher Jason Azzopardi mhux ser jieħu l-ebda tbeżbiża mill-Partit Nazzjonalista. Dr. Bernard Grech u l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma jidhrux li ser jieħdu xi azzjoni biex jiġbdulu widnejh wara dak kollu li qrajna u smajna li kien jieħu r-rigali mingħand Tumas Group u min jaf min iżjed! Mhux talli hekk, talli lanqas ma ser ikun wieħed minn dawk li Claudio Grech qed jissuġġerixxi li għandhom jagħmlu spazju lil min hu jżgħar! Anzi, mar jiġri jħabbar fil-Malta Today ta’ Saviour Balzan li ser jikkontesta wkoll fid-9 distrett, meta kien ċert li Peppi Azzopardi kien ser jistaqsi lil Bernard Grech dwar il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Fuq kollox, Jason Azzopardi jaf, għax ra b’għajnejh, kemm ħadem il-block vote favur Casa u Metsola fid-9 distrett. Naħseb li din kienet anki raġuni oħra għala ddeċieda li jittanta xortih fuq dan id-distrett fejn hemm l-iżjed partitarji li jagħtu support lir-Repubblika u jieħu post xi ħadd mit-tliet deputati li dejjem tellgħu fuq dan id-distrett.

U r-raġuni prinċipali li din l-aħbar ta lil Saviour Balzan ġejja mill-fat li Jason Azzopardi jaf li l-Malta Today tinqara iżjed mit-Times minn dawk favur Repubblika fid-9 distrett. M’hemmx dubju li Jason Azzopardi ra l-opportunita’ li jieħu xi ħaġa mill-voti li ħalliet Marthese Portelli fuq id-9 distrett.

Iżda Jason Azzopardi jaf ukoll li fuq id-9 distrett ħiereġ l-avukat Joe Giglio li hu maħbub minn kulħadd. Mela se joħroġ fuq id-9 distrett mhux biex jieħu l-voti ta’ Marthese Portelli imma biex jaqla’ l-barra lil Robert Arrigo jew Kristy Debono. Imma Jason Azzopardi jaf ukoll li hu diffiċli jċaqlaq lil Robert Arrigo għaliex hu maħbub u rispettat min-Nazzjonalisti kollha fuq id-distretti li hu joħroġ fihom.

Imma lil Kristy Debono jaf li jista’ jaqlagħha l-barra għax hi kienet mat-team ta’ Adrian Delia u allura dawk li jappoġġjaw lir-Repubblika ġa qed jgħidu li mhux lesti jivvotawlha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *