Dr. Bernard Grech ma jridx xi deputati jkun kandidati fl-elezzjoni li ġejja
Waqt l-intervista li kellu l-bieraħ, il-Ħadd ma’ Peppi Azzopardi, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk ikun hemm xi ħadd mid-deputati li ma jimxiex mal-linja tal-Partit jista’ jispiċċa ma jitħallix ikun kandidat fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Kull nhar ta’ Ħadd, din il-kwistjoni tal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja tieħu żvolta ġdida.
L-għajta fil-bidu kienet u din ħarġet minn ħalq Claudio Grech li dawk li kienu parti fl-amministrazzjoni tal-Partit meta kien hemm Gvern Nazzjonalista għandhom jieħdu pass lura. Il-poplu beda jifhem li Dr Bernard Grech kien qed iħares lejn din il-possibilita’. Dr Bernard Grech kien qed jgħid li l-elettorat kien ser ikollu ħafna lil min jivvota għax fuq il-karta tal-vot fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista kien ser ikun hemm ħafna wċuħ ġodda. Kien qalilna li kien qed iħares ‘l quddiem biex fuq il-karta tal-vot ikun hemm ħafna kandidati żagħżagħ. Allura kien ta’ x’jifhem li d-deputati ta’ ċertu eta’ u li ilhom deputati jew kandidati għandhom jagħmlu l-wisgħa.
Żvolta oħra kienet meta qal ma jrid jarmi lil ħadd imma jixtieq jilqa’ lil kulħadd lura basta jkun riabilitat. Wara smajna li mhux id-deputat jew il-kandidat għandu jkun riabilitat imma l-Partit irid jirriabilita’ ruħu. Imbagħad qalilna li mhux bilfors kull minn kien deputat qabel għandu jiġi lura bħala deputat, jiġifieri jixtiequ lura imma mhux bħala kandidat.
Issa llum tana xi ħaġa ġdida. Naħseb li Dr. Bernard Grech qed ikun attakkat sewwa minn ġewwa, jiġifieri internament. fuq il-lista tal-kandidati fuq il-karta tal-vot. Illum qalilna li ma jeskludiex li jgħid xi deputati biex ma jikkontestawx fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Ir-raġuni tal-lum saret l-attitudni. Dr Grech qal li s-surveys qed jgħidulu biex jieħu dan il-pass. Meta Peppi Azzopardi qallu fejn qed jgħidu hekk is-surveys, dawwarha u qal li s-surveys qed jibagħtulu messaġġ biex jieħu deċiżjonijiet oħrajn.
Mela illum il-Kap tal-Oppożizzjoni wasal għal metodoloġija differenti. Illum qalilna li jekk hemm xi deputat li bl-attitudni tiegħu jew tagħha juri jew turi li mhux qed isegwi d-direzzjoni tal-Partit u jaqbad triq għal rasu jew jaġixxi kif irid jew kif jidhirlu hu, jidħol biċ-ċans li jisparixxi minn fuq il-karta tal-vot. Fil-fatt ġab eżempju li jekk xi ħadd mhux ser jirkeb fuq it-train u jimxi fuq l-istess binarji mal-Partit, jew jipprova ma jimxix dritt, ser ibati l-konsegwenzi. Kompla jgħid li jekk xi ħadd fil-Partit Nazzjonalista mhux qed jifhem dan, allura hu jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex ma jħalli lil ħadd itellef mill-possibilita’ li l-Partit Nazzjonalista jieħu riżultat tajjeb fl-elezzjoni li ġejja.
Imma vera li Dr Bernard Grech ser ikun il-bniedem li jiġġudika min għandu jew ma għandux attitudni tajba lejn il-Partit? Minn barra ser jidher li ser ikun hu li jtajjar l-irjus ta’ nies li aħna l-votanti nkunu nistgħu nivvutawlhom. Jekk qed nifhem sew ser ikun Dr Grech u mhux l-elettorat Malti u Għawdxi li jiġġudika l-attitudni ta’ xi individwu. Nistaqsi jekk dan għandux x’jaqsam ma’ ċertu liġijiet li l-Gvern irid jgħaddi bħal dawk marbuta mal-IVF jew il-Kannabis li mhux id-deputati kollha qed jaqblu magħhom.
Kif jgħid l-ingliż ‘the mind boggles’