“Qed tara wisq is-Super One”

F’dawn l-aħħar xhur, saru ħafna diskussjonijiet u laqgħat mill-Kap tal-Oppożizzjoni ma’ partitarji mweġġgħa. Sa hawn ma hemm xejn ħażin. Din ħaġa tajba. Ħafna nies ġew imsejħa jiltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista biex jiddiskutu u jesponu dak li jkun qed itaqqalhom fuq livell politiku.

Suppost ikollhom il-possibilita’ li jbattlu l-ixkora politika tagħhom u forsi ma jistennewx assuluzzjoni imma almenu ftit inkoraġġiment li jgħin lill-persuna nvoluta tħossha aħjar u aktar konvinta li tkompli ssegwi bil-ħerqa, bil-ħeġġa, b’konvinzjoni, b’aktar qawwa t-twemmin politiku tagħha għax tkun ħadet xi tip ta’ inkoraġġiment mill-Kap tal-Partit li timmilita fih.

Irridu niftakru li dawk kollha li qed jiġu mgħajta għal diskussjoni ta’ din il-kwalita’ huma ġeneralment nies li jkunu għadhom mhux konvinti mill-bidla li saret fil-partit madwar sitt xhur ilu.

Kelli l-fortuna li nisma’ ħafna kummenti minn dawn in-nies li naf li marru d-Dar Ċentrali. Ġejt mogħti ħafna nformazzjoni dwar l-andament tad-diskussjonijiet. Min qalli li qagħad isaqsi qiesu sar xi ġurnalist. Oħrajn qaluli li iktar tkellmu huma milli tkellem Dr Bernard Grech. Ftit qaluli li Dr Grech spjega xi affarijiet milli qed jipprova jagħmel u jixtieq jagħmel.

 Oħrajn qaluli li esprimew id-dwejjaq tagħhom u stennew xi kliem ta’ tama u kuraġġ. Min qalli li ma akkwista xejn, oħrajn qalu li ħarġu aħjar milli daħlu, imma l-biċċa kbira minn dawk li ltqajt magħhom jien qaluli li ħarġu diżillużi immens. Wieħed ġabar din il-konverżazzjoni f’din il-frażi, ‘dħalt dubbjuż u ħriġt diżilluż’. Bla ma trid meta titkellem ma dawn in-nies tistaqsi, imma għaliex? X’ma kkonvinċikx? Uħud qaluli ftit mill-affarijiet li dejquhom.

“Meta bdejt nressaq l-argument ta’ kemm qed jiddisgustana Jason Azzopardi bil-paroli kollu li qed jgħid, bid-diskors żejjed fuq il-qabar ta’ Kristu, fuq ċertu affarijiet li qed jgħid mingħajr ma jissostanzja xejn, ir-risposta kiesħa u qatt mistennija ta’ Dr Grech kienet “qed tara wisq is-Super One”. Kien hemm ieħor li ressaq argument fuq deputat ieħor u mingħajr tlaqliq ta’ xejn ir-risposta reġgħet kienet “qed tara wisq is-Super One”. Oħra qaltli li bdiet titkellem fuq is-surveys u qaltlu li biex is-surveys jagħtuna xi ftit kuraġġ iridu jitqabblu ma’ elezzjoni ġenerali. Għal darba oħra, Dr Grech qallha ‘qed tara wisq is-Super One’. It-tlieta qaluli li meta semgħu dan il-kliem huma ħaduh b’offiża personali.

L-ewwelnet kieku stess qed jisimgħu l-One allura dak li jxandar il-One ser jimpressjonhom. Mela jfisser ukoll li huma ma kienux kapaċi janalizzaw jekk l-affarijiet imxandra kienu qed jimpressjonawhom u ma kienux kapaċi jaslu għal opinjoni waħedhom. Ieħor qalli li mhux għax jirrispetta lilu nnifsu u l-livell ta’ edukazzjoni li għandu, kien jibagħtu jsaqqi l-ħass tal-Marsa u mhux iħallih jgħidlu li jara s-Super One, channel li qatt ma jarah.

Hemm eżempji oħra ta’ kliem li weġġa’ lill-partitarji Nazzjonalisti li ntqal f’dawn id-diskussjonijiet.

Imma b’dispjaċir ikolli ngħid li meta tisma’ Nazzjonalisti jitkellmu hekk, wieħed jifhem għala l-Partit Nazzjonalista ma hux jimxi ’l quddiem.

Leave a Reply