Il-Pastizzi tas-Serkin spiċċaw fl-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti

Numru ta’ gazzetti tal-lum il-Ħadd kellhom fuq il-paġna ta’ quddiem stejjer marbuta mal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti. F’gazzetta minnhom, issemmgħu l-pastizzi tas-Serkin. Nammetti li tajbin u ma niddejjaq xejn niekolhom. Imma ir-raġuni li l-pastizzi spiċċaw fuq il-paġna prinċipali ta’ ċertu gazzetti hija totalment differenti.

Niftakru li s-Serkin sikwiet jitfaċċa fl-aħbarijet jew fuq xi gazzetta. Kellna r-rakkont ta’ meta Jeffrey Pullicino Orlando ħadulu ritratt fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu sejjer jiekol il-pastizzi. Niftakru wkoll meta dan il-ħanut ospita għal belgħa te’ u xi pastizzi li dinjatarju famuż li kien qed iżur pajjiżna għal-laqgħa internazzjonali. Ma ninsa’ qatt ukoll ir-ritratti ta’ Dr Anne Fenech, dak iż-żmien fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, qed tieħu te’ u pastizz fl-istess ħanut. Jiġifieri tas-Serkin jafu li l-ħanut tagħhom huwa rinomat ħafna u m’għandu bżonn ebda riklam fuq il-gazzetti.

Imma ħa niġu għas-serjeta u r-raġuni għaliex il-pastizzi spiċċaw fuq il-paġna ta’ quddiem ta’ dawn il-gazzetti. Din l-aħbar spiċċat fuq il-gazzetti Maltin bħala parti minn strateġija li saret biex tinħareġ l-informazzjoni marbuta mal-bejgħ tal-passporti. Min għadda din l-informazzjoni ried ikun ċert li din l-aħbar marbuta mal-bejgħ tal-passaporti tinfirex ma’ kull rokna ta’ Malta u ma’ kull min jaqra xi gazzetta jew oħra.

Din l-aħbar iġġorr magħha piż nazzjonali u internazzjonali. B’dispjaċir ikolli ngħid li titfa’ dell ikrah fuq min preżenta dawn l-irċevuti u fuq l-istituzzjoni li aċċettathom. Biex irċevuta ta’ pastizz jew tnejn hija prova biżżejjed li persuna barranija għandha konnessjoni ma’ pajjiżna jew din il-persuna forsi kienet hawn Malta, hija xi ħaġa tad-daħk imma sfortunatament fl-isfera li ġiet preżentata hija xi ħaġa tal-biki.

Dawn l-aħbarijiet marbuta mal-bejgħ tal-passaporti qed tagħtu daqqa ta’ ħarta kbira lis-serjeta tal-istituzzjoni ta’ pajjiżna. Din hija prova oħra, jekk kien hemm bżonnha, ta’ kemm l-importanza tal-introjtu tal-flus hija aktar importanti minn isem pajjiżna. Din hija prova oħra kemm l-istituzzjoni Maltija, għaliha ċ-ċittadinanza Maltija ma tfisser xejn, imma hija biss baqra smina li tagħtina l-miljuni u li sfortunatament l-allegazzjonijiet huma li ħafna nies Maltin gawdew minn fuq din il-baqra bnina.

Jekk kien hemm bżonn ta’ għajta Maltija, ta’ vuċi soda, ta’ ilħna flimkien mill-Maltin u l-Għawdxin hija llum il-Ħadd 25 ta’ April, 2021. Illum il-poplu Malti u Għawdxi jrid isemma’ leħnu u jgħid jien Malti, jien Maltija u ma jien ser inħalli lil ħadd iżjed iħammarli wiċċi. Jien parti minn poplu ħawtiel li ma nistax inkompli nħalli lil klikka żgħira ta’ nies jistanew u isem Malta jitħammeġ iżjed. Illum l-għajta għandha tkun unita’. Illum l-għajta tagħna m’għandiex ikollha kuluri politiċi. Illum l-għajta tagħna għandha tkun waħda. Jien wieħed minn dawk li naħseb li l-Prim Ministru għandu jżarma din l-iskema.

Leave a Reply