Dr. Chris Fearne ser jaqsam il-grupp Parlamentarli Nazzjonalista?

Blog post minn osservatur politiku

Bħala kontinwita tal-artiklu li deher fuq dan il-blog, ser inpoġġi ftit ħsibijiet oħra dwar kif ser jaġixxi l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-riformi li l-Ministru Chris Fearne qal li ser iressaq fil-parlament dalwaqt dwar l-IVF. Fil-kummenti msemmija fl-artiklu preċedenti ġie muri li s-servizz f’Malta tal-IVF huwa kważi totalment b’xejn u skond Ms Simone Attard huwa wkoll komplut, apparti xi ħaġa zgħira fil-bidu. Wara r-risposta mogħtija minn Bernard Grech, Chris Fearne reġa’ tefa’ is-sunnara fil-baħar imqalleb tal-Partit Nazzjonalista u naħseb ser nerġgħu ngħaddu minn xi diviżjonijiet fil-grupp parlamentari ta’ dan il-Partit. Ma ninsewx li din id-diskussjoni l-Partit Nazzjonalista diġa tfaċċha. Dak in-nhar kellek qasma fil-grupp.

Kif ser jivvutaw din id-darba dawk li ma’ l-ewwel ċans marru jivvutaw kontra dak li xtaq il-Kap tagħhom Dr Adrian Delia? Dr Delia kien ivvota kontra l-liġi li tippermetti l-leave għal min ried jagħmel abort barra minn Malta. Dak in-nhar Dr Delia kien ivvota favur it-tarbija fil-ġuf. Mid-dehra Bernard Grech ser ikun iffaċċjat bl-istess dilemma. Għalhekk diġa stqarrejt li l-Ministru Chris Fearne reġa’ irnexxielu jaqsam il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Araw x’qallu Chris Fearne lil Bernard Grech

“I therefore expect him to support this Bill (ir-riformi li ser iressaq) and not put spokes in the wheel”.

Nimmaġina li bi tbissima fuq wiċċu Chris Fearne qed jistaqsi, x’ser jagħmlu r-ribelli fil-Partit Nazzjonalista issa? Chris Fearne ħabbar li fir-riformi li ser iressaq ser ikun hemm l-introduzzjoni tal-PGD (pre-implantation genetic diagnosis), li huwa test użat biex jiġu skrinjati l-embrijuni għal xi difetti ġenetiċi qabel ma jiġu impjantati. Dan it-test tal-PGD dejjem baqa’ barra mill-liġi tal-IVF. L-iffriżar tal-embrijuni ma kienx permess minn Gvern Nazzjonalista fl-2012 u wara introdot minn Gvern Laburista fl-2013.

Jekk issa jidħol dan it-test tal-PGD, ikun ifisser li koppji prospettivi, li jsoffru minn xi mard ereditarju, ikunu jistgħu jużaw l-IVF biex jipproduċu embrijuni li ma jkollomx genes li jġorru xi mard. Issa r-ribelli ser jivvotaw bil-kuxjenza liberali? Jew, għax l-elezzjoni hi wara l-bieb, ser jivvotaw kif inhu l-aħjar biex jakkwistaw ftit voti.

Nixtieq nispeċifika li bir-riformi li ser iressaq il-Ministru Fearne, mhux test tal-embrijuni għal kontra l-mard kroniku biss ser jkunu jistgħu jagħmlu, imma kif ikunu fiż-żifna jaraw affarijiet oħra. Dan jagħtihom possibilita’ biex jipprovaw jagħmlu tarbija à la carte.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *