Il-bejgħ tal-passaporti: Silvio Schembri jiddefendi l-indifensibbli

Il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri llum iddefenda l-iskema tal-bejgħ taċ-ċitadinanza. Dan ovvjament għamlu minħabba dak li qed joħroġ mill-investigazzjoni tal-Passport Papers, wara li ġew iħħekjati eluf ta’ emails u dokumenti minn Henley & Partners. Il-Ministru nsista li l-flus iġġenerati minn din l-iskema servew biex salvaw is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna matul il-pandemija tal-Covid 19. Huwa kompla li l-biċċa l-kbira tal-fondi ġenerati marru ġo ‘sovereign wealth fund’ u l-pandemija obbligat lill-Gvern idaħħal idejh f’dan il-fund biex jieħu minn dawn il-flus miġbura. Huwa qal ukoll illi kieku l-pajjiż ma kellux dawn il-flus imġemma, l-gvern kien ikollu jissellef biex jagħti s-sussidju fuq il-pagi u għajnuniet oħra. Huwa żied li grazzi għal dawn il-flus il-gvern evita li jintaxxa lill-poplu biex ikollu l-flus neċessarji.

Biex insegwu n-narrattiva tal-Ministru nixtieq infakkru lil Silvio Schembri, li hu madwar sena ilu kien qal li l-gvern ma għandux juża l-flus ġenerati mill-bejgħ tal-passaporti.

Ftit siegħat wara, fl-istess ġurnata, smajna fuq ir-radio tal-Partit Nazzjonalista, lil Dr de Marco jgħid li l-figuri maħruġa mill-NSO jikkonfermaw li l-flus tal-passaporti ma ġewx użati għall-bżonnijiet maħluqa mill-pandemija. De Marco qal li l-flus kollha marbutin u neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha li nħolqu minħabba il-pandemija ġew minn flus midjuna li bilfors kellu jagħmel il-gvern. Dan id-dejn sar biex il-gvern seta’ jlaħħaq ma dak kollu li ried jitħallas b’konsegwenza tal-pandemija. F’sitwazzjonijiet fejn id-diskors ikun qed jisvolġi fuq affarijiet ta’ serjeta kbira kull rappreżentant politiku għandu jkun lejali lejn il-verita.

Din id-darba Silvio Schembri żgarra. Mhux konvinċenti li jkollok Ministru tal-Ekonomija li nimmaġina suppost jaħdem viċin tal-Ministru tal-Finanzi li jirrispondi lill-ġurnalisti b’risposti mbiegħdin mill-verita’, l-aqwa li jiddefendi lill-gvern tiegħu minn attakk bla preċedent fejn qed joħorġu affarijiet li ma huma sbieħ xejn fuq kif Malta qed tbiegħ iċ-ċittadinanza tagħha.

Il-Ministru Schembri jrid ikun matur biżżejjed li, meta jaf li dokumentazzjoni sensittiva qiegħda f’idejn ġurnalisti, ma jilgħabx bid-diskors. Irid iżomm ruħu konxju li kull kelma li jgħid bħalissa tiġi eżaminata minn l-istess nies li għandhom dawn il-ħafna dokumenti f’idejhom. Il-Ministru aħjar joqgħloq ħalqu magħluq u ma jippruvax jiddefendi din l-iskema li suppost saret b’serjeta minn Henley & Partners u l-gvern Malti.

Dak li jrid jingħad għala qed tkun attakkata Malta meta skemi simili jeżistu f’pajjiżi oħra?

Sirna nafu minn aktar dokumenti żvelati li ċittadin konnesso mal-familja rejali tas-Saudi ma xtaqx juri ismu li kiseb iċ-ċittadinanza Maltija. Wara laqgħa mal-ex Prim Ministru Malti Joseph Muscat, dan irnexxielu jikkonvinċi lill-Gvern Malti biex ismu ma jintwera mkien u allura ħadd ma jaf li hu għandu passaport Malti.

Ma nafx x’ġara f’pajjiżi oħra. Biss ninsab ċert li s-Saudi Arabia tgawdi minn ċertu protezzjoni u b’hekk ma nistgħax nifhem dan l-attakk kollu fuq Malta.

Dak li jrid jagħmel Silvio Schembri huwa li ma jippruvax tiddefeni l-indifensibbli. L-uniku riżultat tanġibli, żgur u veritier li akkwistat Malta minn din l-iskema telf fir-reputazzjoni tagħha kemm fuq livell internazzjonali.

Leave a Reply