L-iskema tal-passaporti daħħlet fi sqaq

Meta l-Gvern ta’ Joseph Muscat kien vara l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment, jien kont mort fuq it-Television Nazzjonali u kont tkellimt kontra tagħha. Eventwalment, l-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil bdiet taqbel magħha wara li numru ta’ deputati u sostenituri Nazzjonalisti, permezz ta’ kumpaniji tagħhom jew b’mod indirett kienu marbuta ma’ din l-iskema, bdew jingħataw kummissjonijiet fil-bejgħ tal-passaporti. Biss jien bqajt ma biddiltx fehmti fuqha u dak li qed jiġri llum qed jagħtini raġun.

Biss xorta ma niddejjaqx nikkummenta li din l-iskema qed tintuża issa minn ġurnalisti biex  tkun attakkata l-integrita’ ta’ Malta. Hemm pjan ikkoordinat biex jitkompla l-attakki fuq Malta. Wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja fil-ġurnali Maltin, The Guardian ħareġ b’dettalji ġodda. Infakkar li wieħed mill-ġurnali Maltin li llum qed jikkritika din l-iskema, meta kienet varata, kien favur tagħha.  

Dak li nista’ ngħid li l-artiklu ta’ The Guardian perreċ ma’ udjenza ikbar l-ereżijiet kbar li seħħew f’dak li għandu x’jaqsmu mal-bejgħ tal-passaport Malti. Mill-mod ta’ kif inhu miktub, jidher li The Guardian irid jattakka l-ewwel lil Henley and Partners. Imbagħad użaw din l-istorja biex iħammru wiċċ pajjiżna għax l-informazzjoni li ġiet illikjata titfa’ dawl ikrah fuq din l-iskema u r-regolamenti marbuta magħha. Dan l-artiklu nkiteb wara li eluf ta’ emails u dokumenti tal-kumpanija Henley & Partners ġew illikjati. Kienu Henley & Partners li kkreaw l-iskema tal-golden passport billi taw pariri lill-gvern Malti kif jirristrutturaha tmien snin ilu. F’Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea qalet li biex joħroġ passaport irid ikun hemm konnessjoni ġenwina mal-pajjiż konċernat. Imma ġimgħatejn wara l-Kummissjoni u l-Gvern Malti ħarġu stqarrija flimkien fejn qalu li kull min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija irid ikun residenti Malta għal sena.

Nies sinjuruni li ġejjien mir-Russia, China u Saudi xtraw din iċ-ċittadinanza biex iggarantixxu lilhom infushom aċċess mingħajr ebda limitu fil-pajjiżi kollha tal-UE. Din l-iskema tat il-possibilita’ lil dawn is-sinjuruni li jikkreaw sistema, li tat flus kbar lill-istat Malti anki jekk f’dik li hija residenza f’Malta għal sena sħiħa, mhux dejjem ġiet rispettata. F’numru ta’ każijiet, kull ma għamlu kienu li krew appartament biex jħalluh vojt. Din l-ambigwita fil-liġi ppermettit xi klijenti, li jħallsu aktar minn miljun euro taħt din l-iskema, biss imbagħad jużaw l-istess liġi bħala passatur biex jgħaddu minn xi toqba. Biex taparsi juru li huma ġenwinament kellhom xi rbit ma’ pajjiżna, kull ma setgħu jagħmlu kienu ġimgħatejn vaganza u affarijiet oħra superfiċjali bħal jikru xi yacht jew jagħtu donazzjoni ta’ karita’.

Fl-informazzjoni llikjata stajna naqraw anke xi mistoqsijiet li dawn in-nies li riedu jixtru l-passaporti bdew jagħmlu. Wieħed staqsa biex jgħidulu kemm hu l-iqsar żmien possibbli li jrid joqgħod Malta. Ir-risposta kienet

“The government (of Malta) would like to see a covering letter provided by each of the main applicants outlining how they intend to establish residency and genuine links with Malta.”

Ir-risposta ta’ Henley & Partners kompliet tispeċifika li jekk mawriet itwal ma setgħux isiru, dawn l-applikanti setgħu jiftħu kontijiet fil-banek, jagħtu donazzjonijiet ta’ karita u jsiru membri ta’ xi club lokali li setgħu jservu biex juri l-viċinita’ tagħhom ma’ pajjiżna. Henley & Partners komplew iserrħu ras l-applikanti meta qalu li, fir-realta’, ebda applikant ma hu ser jiġi miċħud minn passaport Malti jekk jippreżenta din l-ittra. F’każ partikulari, ċittadin Ċiniż kera appartament b’żewġ kmamar tas-sodda għal €1,500 fix-xahar għalkemm applika għal 12-il ċittadinaza, li kienet tinkludi 6 itfal. Dawn l-eżempji msemmija fl-artiklu tal-Guardian komplew jagħtuna fatti ċari ta’ kif din l-iskema ġiet imġebbda għal vantaġġ tal-barranin. Komplew jikkonfermaw li ebda skuża ma kienet ser tintuża minn Henley & Partners biex itellef il-bejgħ ta’ xi passaport.

Waqt li wieħed jista’ jgħid li s-sistema tagħna kienet l-aktar aggressiva, (għaliex hemm numru ta’ pajjiżi li għandhom din l-iskema) xorta jidher li kien hemm min għaffeġ bl-iskema u b’hekk l-isem Malta spiċċa mkasbar.

Jidher ċar li ħallejna l-identita’ tagħna, il-passaport Malti, iċ-ċittadinanza sagrosanta tagħna f’idejn barranin li ma ddejqu xejn jilagħbu bil-liġi Maltija l-aqwa li jistanew minn fuq darna. Issa wieħed jistenna biex jara x’ser tkun ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

https://www.theguardian.com/world/2021/apr/22/revealed-residency-loophole-in-malta-cash-for-passports-scheme?fbclid=IwAR3LGXj9ZuYbo8d_qlc0fBDwB1M4cMM28j8L8MwdC4WR_lOp6lHzxryZLOc

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *