Il-każ ta’ Victor Scerri u l-ipokrezija ta’ Manuel Delia

Blog post minn osservatur politiku

Manuel Delia ma jitlef ebda okkazzjoni biex jikteb artikli fuq xi ħaġa, hi x’inhi, li tkun marret kontra l-Gvern tal-Labour. Il-lum reġa’ rregalalna artiklu ieħor dwar il-każ ta’ għaxar snin ilu li kien imsejjaħ ‘l-iskandlu tal-Baħrija’. Dan is-suppost skandlu li sar snin ilu kien jinvolvi applikazzjoni minn Dr Victor Scerri biex jestendi il-binja fuq farmhouse eżitenti fil-Baħrija. Fl-2008 kien inħareġ il-permess, iżda meta beda l-bini fl-2009 Joseph Muscat, flimkien ma’ għaqdiet tal-ambjent, kien mexxa kampanja, b’kull mezz possibbli kontra dan il-bini. Tant kienet qawwija din il-kampanja li l-MEPA kienet irtirat il-permess fuq raġuni frivola li xorta Dr Scerri, għalkemm ipprova, ma rnexxielux ireġġa l-permess lura.

Importanti li niftakru li Dr Victor Scerri dak iż-żmien kien il-President tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Minħabba dan il-fatt Dr Scerri rreżenja l-pożizzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista biex jiddefendi ismu. Kien ukoll ex-kanvaser tal-Ministru Austin Gatt, fejn kien kap tas-segretarjat l-istess Manuel Delia. Imma hawn hu Manwel Delia jikteb artiklu ieħor biex jiftaħar li ex-uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista kellu raġun u rebaħ kontra l-mantra ta’ Joseph Muscat wara 10 snin. Ifakkarna wkoll, Manwel Delia, li l-iskandli finta li ħoloq il-Labour ta’ Joseph Muscat, qabel l-elezzjoni tal-2013, qed jaqgħu wieħed wieħed. Isemmi l-akkuża ta’ favoritiżmu ta’ Toni Debono, ir-raġel ta’ Giovanna u l-iskandlu tal-BWSC li wkoll instab li ma kien hemm l-ebda korruzzjoni kif kien allega Joseph Muscat.

Kif jgħid il-Malti tal-Universita’ tat-triq u forsi mhux tal-elite, Manuel Delia jħobb iboss b’sorm ħaddieħor. Tgħiduli għaliex? Arawh Manuel Delia għaddej jifraħ bħal donnu għamel xi ħaġa hu biex ħarġet il-verita f’kull każ imsemmi. Din mhix l-ewwel darba li Manuel Delia jirkeb fuq ix-xogħol ta’ ħaddieħor. Ta’ kuljum jipprova jirkeb fuq dahar Daphne Caruana Galizia. Għadu kif ipprova jirkeb u allura jieħu l-glorja ta’ kif ġew appuntati l-erba’ imħallfin ġodda f’dawn il-jiem. Għax skond hu kienu tar-Repubblika li waslu għal dawn l-iżviluppi li seħħew dwar il-metidoloġija kif jinħattru l-maġistrati u l-imħalfin. Nesa miskin, għax fejn jaqbillu jinsa, li l-Partit Nazzjonalista ilu jikkampanja għal dan l-eżitu minn żmien Simon Busuttil u kien kompla anke Adrian Delia.

Imma l-izjed waħda vili fil-kitba ta’ Manuel Delia fuq il-kaz ta’ Victor Scerri hu l-fatt li hu u sħabu Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina għamlu l-istess bħalma għamel Joseph Muscat. Dawn flimkien għamlu kampanja ta’ ħmieġ u tfiegħ ta’ tajn kontra l-ex-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Xi ħaġa tal-iskantament hi li dawn tefgħu kull kwalita ta’ ħmieġ u kull pon tajn li sabu mingħajr ma resqu prova waħda. Dawn irnexxielhom itajruh minn postu bil-kampanja ta’ tfiegħ ta’ ħmieg u tajn li għamlu fi ħdan il-partit tagħhom stess. Imma dan il-kittieb, dan il-blogger, dan li jippretendi li jieħu post Daphne Caruana Galizia (x’illuzjoni), dwar dawn l-affarijiet qatt ma jikteb xejn.

Miskin Manuel, x’ipokrezija!

Leave a Reply