Il-Marsa ma tistax tibqa’ tiġi wżata bħala l-post fejn jissolvew il-problemi ta’ ħaddieħor.

Blog post minn resident mill-Marsa

Għażiż Dr. Mercieca

Qed niktiblek wara li smajt lil Mr Glenn Bedingfield jgħid fl-aġġornament fil-parlament nhar it-Tnejn 19 ta’ April 2021 li

“Il-lum b’sodisfazzjon ninnota li kienet approvata fil-Parlament riżoluzzjoni b’mod unanimu dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Kottonera bir-rilokazzjoni tal-faċilita’ tat-tindif tat-tankijiet li hemm bil-bajja ta’ Rinella. B’hekk ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera kif imniżżel fl-istrateġija tagħna beda jieħu l-forma”.

Mr. Bedingfield kompla d-diskors tiegħu fuq dan is-suġġett billi beda jiftaħar u jsemmi proġetti biex isebbħu l-Kottonera. Naqbel miegħu mija fil-mija. Wasal biex qal ukoll li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsebbaħ il-Marsa u l-parti ta’ isfel tal-pajjiż. Naqbel ukoll u nieħu gost b’dawn l-inizjattivi.

Imma mbagħad ma nistax nifhem kif l-istess nifs, it-tank tat-tindif taż-żejt li hemm fir-Rinella ser ikun reallokat il-Marsa.

Nifhem li Sur Glenn Bedingfield jitla’ fil-Parlament mid-distrett tal-Kottonera. U sew jagħmel jiħltu kollha biex ineħħi dan l-impjant mill-bajja tar-Rinella imma mbagħad dan l-impjant ser ikun trasferit il-Marsa.

Dan li jinkwetanti huwa li l-membri tal-Parlament, speċjalment dawk li jitilgħu mill-ewwel distrett, ma tkellmu xejn fuq dan il-punt. Infakkar li l-Marsa tinsab f’dan id-distrett. Jekk kien ta’ ngombru għall-bajja tar-Rinella, issa ser isir impjant pulit u attrajenti għall-bajja tal-Marsa? Mela l-Marsa u l-Marsin huma kkonsidrati tat-tieni klassi? Infakkar li fil-passat, anki stejjer ta’ intejjen kbar kien hemm marbuta ma’ dan l-impjant.

X’ser jgħidulhom lill-Marsin id-deputati Deo Debattista, Aaron Farrugia, Jose Herrera, Mario de Marco u Claudio Grech li suppost jippreżentawhom fil-Parlament? Hekk sewwa nnaddfu post biex inħammġu ieħor. Nikkuntentaw ċertu nies u narmu nies oħra.

B’hekk ma nistax nifhem kif iż-żewġ partiti fil-parlament jivvutaw flimkien biex dan it-trasferiment mingħajr l-anqas biss ikkunsultaw man-nies tal-Marsa dwar. Fejn huwa l-Kunsill Lokali f’din il-kwistjoni.

Naħseb li l-lokalita’ tal-Marsa diġa għaddiet minn ħafna diffikultajiet matul is-snin taħt kull gvern. Kellna l-problema enormi tal-power station. Batejna bil-muntanja ta’ faħam mixħuta ħdejn il-baħar. F’dawn l-aħħar snin għaddejjin minn problemi oħra kbira bl-immigranti li dejjem baqgħet fuq livell ta’ diskussjoni imma qatt ma waslu għal soluzzjoni.

Issa biex inkomplu nitfgħu l-melħ fuq il-ferita ser nitfgħulna dawn it-tankijiet. U la dawn il-ħames membri miż-żewġ partiti fil-parlament li rebħu s-siġġu mill-votanti tal-Marsa u ma qalu xejn.

L-uniku wieħed li tkellem kien James Aaron Ellul. Ellul hu kandidat għall-elezzjoni ġenerali fuq l-ewwel distrett f’isem il-Partit Nazzjonalista. Ma beżgħax jitkellem fuq din il-problema li ser tinħoloq lill-Marsa u lill-Marsin. Huwa qal: “inkun onest, dak li hu ħażin għall-Kalkariżi, mhux tajjeb għal-lokalitajiet l-oħra li jinsabu fil-port il-Kbir, inkluż il-Marsa”.

Ta’ dan nirringrazzjah.

Leave a Reply