L-ispagetti junction tal-Marsa u l-lingwaġġ diviżiv u elitista ta’ Manuel Delia

Ftit tal-jiem ilu, Manuel Delia, kiteb artiklu bl-isem ‘Is there a zebra on the spaghetti junction?’. Dan l-artiklu huwa b’konnessjoni mal-proġett tal-Marsa u min hemm warajh. Laqatni dan il-paragrafu li ser nikkwotah kif inhu:

What’s more, you semi-literate, moronic, Kool-Aid drinking, small-island, infant-cult-worshipers with a poorer understanding of the languages of your own country than the depleted shoals of anchovies before and after they make it in your tins, and with a greater prejudice and fear of knowledge, ‘spaghetti junction’ is not an insult. This is. It is truly depressing that there are more of you than there are of us.”

L-inqas persuna li jista’ jitkellem fuq nies moronic jew cult worshippers huwa Manuel Delia. Meta hu kien funzjonarju għoli fuq it-transport pubbliku ħalla ismu ma’ l-ikbar vroma fl-istorja tat-transport pubbliku – dik tal-Arriva.

Mhux ghax ma hemmx x’tikkritika f’dan il-proġett tal-Marsa. Dażgur li hemm. Il-kritika trid issir b’mod serju. Mill-punt funzjonali, dan hu proġett tajjeb. Żgur li ser iwassal biex ikun hemm titjieb fis-sistema tat-traffiku anki jekk ġa hemm bżonn għal titjib. Per eżempju, min-naħa funzjonali issa qed jibda jakkumula t-traffiku fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Triq Garibaldi. Żgur li min ippjana dan il-proġett ma ndunax b’din il-problema. Wisq probabbli li f’din in-naħa, issa li żviluppa bottleneck ġdid, trid issir xi flyover oħra bħal ma saret fuq in-naħa ta’ Santa Luċija.

Biss dak li nixtieq ngħid hu xi ħaġa oħra. L-ikbar kritika li trid issir hija fuq il-punt estetiku ta’ dan il-proġett. Fejn hija l-estetika? Fejn hija l-arti f’dan il-proġett.?Hemm ċimiterju monumentali qrib. Ittieħed dan iċ-ċimiterju f’kunsiderazzjoni? Iwa. Biss mill-punt funzjonali kif ser naslu għalih. U mill-punt estetiku? Dak żgur li le. Anzi kif saret it-triq naqset mhux żdidet il-monumentalita’ marbuta ma’ dan iċ-ċimiterju.

Għaliex spagetti junctions – kif jgħidulhom ma jintrabatx magħhom l-aspett artistiku? Fuq livell ta’ inġinerija nneħħi l-kappell. Biss fuq livell estitiku, l-anqas biss jibda.

In-nies tar-rinaxximent kienu rabtu l-‘well-being’ tas-soċjeta mas-sbuħija u l-estetika fil-bini. Din il-ġimgħa spjegajt dan il-punt lill-istudenti tiegħi fil-kors tal-istorja fl-Universita’ fejn f’wieħed mill-korsijiet ngħallem it-tkabbir tal-popolazzjoni vis-a-vis l-iżvilupp urban. Fejn huwa dan il-kunċett estetitiku f’dan il-proġett?

Jekk il-kritika tkun fuq dan il-punt, jiġifieri nnuqqas ta’ konsiderazzjoni estetika, din tkun kostruttiva. Jekk il-kritika ssir kif qed jagħmilha Manuel Delia, aħjar ma ssir xejn. Hija kritika vojta, miktub bl-Ingliż li fih innifsu ma hu estetiku xejn imma huwa lingwaġġ divisiv u elitista. Din it-tip ta’ kritika ma hi ser twassal. Mhux ser ittejjeb il-wellbeing tas-soċjeta’.

L-anqas hija kritika funzjonali, aħseb u ara, kemm hija estetikament tajba.

Leave a Reply