Jonqos l-appoġġ lejn Repubblika u s-Soċjeta Ċivili fil-Partit Nazzjonalista minħabba Manuel Delia
Blog post minn persuna li ħalliet il-Group Repubblika
Proverbju Malti jgħid ‘Ma’ min rajtek xebbaħtek’. Dan hu dak li qed jiġrilu l-Partit Nazzjonalista. Qed ikun imxebbaħ u assoċjat ma’ Manuel Delia. Dan qed iwassal biex ikomplu jitbegħdu n-nies mill-Partit Nazzjonalista.
Jiena Nazzjonalist u kont wieħed mill-attivisti ta’ Repubblika. Bħali hemm oħrajn li llum ma jridux ikollhom x’jaqsmu ma’ nies ta’ din il-kwalita’. Għalija Manuel Delia huwa biss ħamallu li ħlief tgħajjir ma jafx jikteb. Hu persuna li hu minfuħ bih innifsu. Issa dan jippretendi li huwa parti mill-ewwel tier jew dak il-grupp ta’ elitisti u li jaħsbu li huma xi ‘cut above’. Fil-verita’, ħafna persuni li kienu parti mis-soċjeta’ ċivili u Repubblika qed iħallu dawn l-għaqdiet. Dan jinkludi wkoll persuni li kienu u għadhom jagħtu support lil Simon Busuttil.
Ta’ sikwit, Dr Bernard Grech issemmi lis-soċjeta ċivili u anki jħobb jirringrazzjhom. Naħseb ma nkunx qed niżbalja jekk ngħidlu li hawn eluf ta’ Nazzjonalisti jaħsbuha bħali, ikun ta’ interess għalih u għall-Partit Nazzjonalista li jiddissasoċja ruħu minn dan il-bniedem arroganti u maħmuġ.
Il-kitba ta’ Manuel Delia qed tkun waħda mir-raġunijiet għala l-Partit Nazzjonalista jibqa’ b’130,000 votant u ma javvanzax naqra. Jien nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li ma naqbel xejn ma’ Jason Micallef. Imma għal darba jkolli ngħid li dak li qal Jason Micallef dwar Manuel Delia hu eżatt. Naqbel miegħu 100%. Jason Micallef iddikjara li Manuel Delia huwa ‘the best asset for the Labour Party’.
Sadattant u mingħajr mistħija ta’ xejn, Manuel Delia qed jgħid li hu l-eredi ta’ Daphne Caruana Galizia. Fi kliemu, meta qed ikun assoċjat ma’ Daphne Caruana Galizia, iħossu “one of those awkward moments of undeserved flattery when I inherit the insults reserved in her life to Daphne Caruana Galizia”. Ara trid tkun vera minfuħ bik innifsek biex tasal biex tikteb xi ħaġa bħal din fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Nixtieq ngħidlu li mhux għax wieħed jgħajjar isir ġurnalist investigattiv.
Infakkar li l-blog ta’ dan il-bniedem jismu ‘Truth be told’. IMMA jekk inti tikteb Manuel Delia fuq il-Google tafu x’jitla’? Issib “Manuel Delia’s Notes”. Għalfejn taħsbu li jitla’ hekk. Biex jirkeb fuq il-blog li kellha s-sinjura Caruana Galizia.
Dan Manuel Delia, miskin, irid jipprova jdaħħal f’moħħ kull Malti, Għawdxi u anke nies madwar id-dinja, li hu l-inkarazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. Daphne Caruana Galizia kellha s-sabiħ u dak inqas sabiħ fil-kitba tagħha. Jien kont u għadni nammiraha. Fil-każ ta’ Manuel Delia, il-kitba tiegħu għandha biss l-ikrah u tgħajjir. Fejn hu l-ġurnalizmu investigattiv tiegħek? Għalhekk ngħidlek li inti lanqas m’int parti mill-kfief tad-dbielet li kienet tilbes.
U aħna n-Nazzjonalisti rridu nibqgħu mkaħħlin ma’ din il-kwalita’ ta’ persuna!