Fuq il-maħfriet, il-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċidi fuq liema naħa ser ikun

Il-Gvern fil-laqgħa tal-kabinet tat-Tnejn 19 ta’ April 2021 ddeċieda li ma jagħtix maħfriet lill-aħwa Degiorgio u lil Vincent Muscat. Dan għamlu wara li rċieva l-pariri tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali. Mela l-familja Caruana Galizia għandha tkun kuntenta għaliex ma riedux maħfriet. Is-Soċjeta Ċivili kuntenta għax ma riedux maħfriet. Jason Azzopardi għandu jkun ukoll kuntent għax ma riedx maħfriet.

Dak li jidher mhux kuntent hu l-Partit Nazzjonalista għax, fi kliem il-Kap tiegħu, ried jasal għall-kxif tal-informazzjoni b’kull metodu possibbli biex jissolva l-każ ta’ Daphne u każijiet oħra.

Wieħed irid jgħid li wara li ħarġet din l-istorja, il-Partit Nazzjonalista bidel id-diska. Issa qed jistaqsi għaliex? Il-Partit Nazzjonalista jrid jiddeċiedi, jew ser ikompli jisħaq għall-maħfra jew ser jirkeb fuq il-karru tas-Soċjeta Ċivili. Il-Kabinet ikkuntenta lill-familja Caruana Galizia, lis-Soċjeta Ċivili u lil Jason Azzopardi.

Il-Partit Nazzjonalisti qed jesiġi kjarifikazzjonijiet. Hawn għandna turija li fuq din il-ħaġa l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista mhux magħqud. L-istess Partit biex itaffi minn dan il-messaġġ li qed joħroġ għand in-nies, li l-grupp parlamentari mhux jaqbel, qed jipprova jqabbad duffrejh ma’ ftit mistoqsijiet biex la jinten u lanqas ifuħ. B’hekk ħareġ jattakka u jistaqsi għall-maħfriet, biex mingħalih toħroġ il-verita, waqt li fl-istess ħin ma jridx jurta’ lil tar-Repubblika u lill-familja Caruana Galizia. Allura sabu skappatojja. Sabu xi ħaġa biex jaljenaw lill-poplu u jakkwistaw ftit żmien sa x’ħin forsi tintesa din l-istorja.

Ara veru Tar-Repubblika saru mażżra ma’ għonq il-Partit Nazzjonalista li kull ma jmur it-tmexxija tal-Partit qed tpoġġi lilha nfisha f’diversi kantunieri minħabba fihom. Meta l-Partit Nazzjonalista jaġixxi b’dan il-mod tibda tirrealizza li qed tintilef il-kredibilita’. Għax meta tibda anki titfa’ dubju fuq il-pariri mogħtija lill-gvern, li fuq kollox irid jiddeċiedi, tibda titħasseb x’inhi l-aġenda tal-Partit. Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jrid jiftakar li Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin fuq in-naħa tal-pulizija u tal-avukat Ġenerali li kienu kontra dawn il-maħfriet.

Fil-politika ma tistax toqgħod b’sieq waħda ‘l hawn u l-oħra ‘l hemm. Il-politika titlob kjarezza tal-ħsieb. Il-politika titlob viżjoni ċara. Il-politika titlob direżżjoni soda u maħsuba sewwa. Dan qed jagħtih il-Partit Nazzjonalista? Dażgur li le. Jista’ l-Kap tiegħu joqgħod jpaċpaċ, jagħmel dikjarazzjonijiet u jieħu deċiżżjonijiet li wara jkollu jirtira minnhom jew addirittura jispiċċa jiddefendi.

Leave a Reply