Bernard Grech irid carte blanche fil-Partit Nazzjonalista: Claudette Buttigieg tissemma għal viċi-kap

Bħalissa fil-Partit Nazzjonalista qed jiġru ħafna affarijiet. Diċeriji qed jitperrċu mal-erba’ irjiħat tal-pajjiż. Illum Bernard Grech ser jibda jiltaqa’ mal-MPs għax irid carte blanche minn għandhom.

Nafu żgur li Dr Bernard Grech ser jieħu deċiżżjonijiet mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. S’issa għadna fl-għama ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Biss issa, jekk ma jridx joħroġ ta’ mażetta, irid joħodhom.

F’wieħed mill-artikli li ttellajt fuq dan il-blog kien dwar id-diċerija li ser jinbidlu l-viċi-kapijiet. Infakkar li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid li dan it-tibdil irid isir wara l-elezzjoni li ġejja fl-Partit Nazzjonalista. Wara din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jmur lura għal viċi-kap wieħed kif kien qabel l-2013.

Dak iż-żmien Simon Busuttil kien ressaq mozzjoni biex il-viċi-kapijiet isiru tnejn biex ma jitlifx is-servizz ta’ Mario de Marco li kien tilef it-tellieqa ma’ Beppe Fenech Adami. Dak in-nhar Busuttil kien għamel Viċi-Kap għall-Affarijiet Parlamentari u ieħor għall-Partit. Din ser tinbidel minħabba l-istatut il-ġdid li ġie aċċettat unanimament.

Għalkemm m’ihiex miktuba fl-istatut, Dr. Bernard Grech kien qal li li hu jrid viċi-kap mara. Mela b’nofs kelma qata’ saqajn kull deputat maskili li kellu xi ħajra jsir viċi-kap. Imma jekk ifettillu Dr Grech jagħmel suwiċidju politiku u jressaq możżjoni fl-eżekuttiv biex iwarrab lil viċi-kapijiet li hemm, x’jiġri? Il-Partit imur fuq dak li jgħid l-istatut maqbul jew jerġa’ jkollu tnejn sal-elezzjoni li ġejja? Minħabba din il-problema statutorja, Bernard Grech qed jipprova jdur magħha billi jitlob carte blanche mid-deputati kollha tiegħu.

Nagħmilha ċara, kif diġa’ għidt, jekk jagħmel hekk ikun żball kbir u mossa diżastruża għall-Partit Nazzjonalista. Iżda meta titkellem fuq deċiżjonijiet li jistgħu jweġġgħu u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd tistenna kollox.

Huwa sigriet magħruf li Claudette Buttigieg qed tissemma ħafna għall-kariga ta’ viċi-kap wara li kienet l-ewwel mara li marret għand il-President ta’ Malta biex twarrab lill-Kap tagħha. Forsi wkoll qed tistenna promozzjoni għas-servizz li tat bħal deputy speaker. Fuq kollox, hu sigriet magħruf li Claudette Buttigieg tixtieq din il-kariga.

Kif ġie rrimarkat f’artiklu ieħor f’dan il-blog, canvaser tagħha esprima li għalkemm hemm ċans tajjeb li ma titlax, donnu kien moħħu mistrieħ li jekk ma tidħolx mill-bieb tidħol mit-tieqa, għax jirnexxielha tieħu siġġu permezz tal-mekkaniżmu tal-ugwaljanza parlamentari.

Jidher li mil-lum ser jibdew il-manuvri biex tinbeda t-triq biex ikun hemm viċi-kap mara u Claudette Buttigieg qegħda fuq quddiem.

Leave a Reply