Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jagħti sinifikat lill-valuri, l-ewwel fosthom il-LEALTA’: Veteran Nazzjonalista

Blog post minn Veteran Nazzjonalista

Segwejt b’interess uhud mill-aħħar posts li tellajt fuq il-blog tiegħek. Bejn wieħed u ieħor, it-tnejn kienu jittrattaw ir-ritorn ta’ Franco Debono fil-Partit Nazzjonalista. Sa ċert punt, argument superfluwu għax nemmen li Franco Debono qatt ma ħalla l-Partit Nazzjonalista, għajr forsi għall-ftit snin li serva lin-nazzjon bħala Kummissarju għall-Ġustizzja. Huwa ħalla din il-kariga bl-istess ħoss li għamel meta aċċettaha. Għamel hekk għax filwaqt li Franco Debono huwa bniedem stuż ħafna, huwa wkoll sinċier iżżejjed biex jaħbi dan li jħoss ġewwa fih. Huwa veru li ħareġ jiċċelebra r-rebħa Laburista tal-2013, iżda huwa veru wkoll li t-telfa ta’ dakinhar u dawk warajha, kienu ilhom imnaqqxin fiż-żonqor snin kbar qabel.

Sa ċertu punt lil Franco Debono nqabblu mar-‘ribelli’ l-ġodda li għandu fi ħdanu l-PN. Ribelli li fil-verita’ ma kienu ribelli qatt, nies li waslu fil-Partit Nazzjonalista ferm qabel Dr. Adrian Delia u bħala konsegwenza ferm qabel Dr. Bernard Grech. Differenza hemm pero’ u din tikkonsisti f’li dawn qatt ma tradew lill-ebda kap jew Prim Ministru tal-Partit tagħna. Qatt ma sfiduċjaw lil ħadd minnhom. Il-verita’ kemmxejn krudili hija li l-kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista, ma laħaqx il-pożizzjoni b’vot imqar wieħed ta’ min kien u baqa’ dejjem leali lejn kull kap, kien min kien, iżda huwa rikeb fuq il-voti ta’ min bela’ l-ħafna gideb imxerred mill-klikka u sfiduċja lill-kap tal-ġurnata.

Għaldaqstant, il-pedament tal-Kastell Grech huwa wieħed dgħajjef, għaliex mibni fuq il-voti ta’ min jimpressjona ruħu malajr, ta’ min f’temp ta’ tliet snin ibiddel fhemtu u l-lealta’ tiegħu u ta’ min ibiddel il-preferenza tiegħu skond min jagħmel l-iktar ħoss. Il-voti ta’ dawk li minkejja kollox, baqgħu dejjem leali, ma jgħodd l-ebda wieħed minnhom għal Bernard Grech.

Bernard Grech rebaħ l-elezzjoni tal-kap iva, rebaħ b’mod demokratiku u kien l-għażla ċara tal-partitarji. Fuq dan m’hemm l-ebda dubju. Li hemm dubju pero’ huwa kemm Dr. Grech se jirnexxielu jżomm it-tmun tiegħu fit-tul bis-saħħa ta’ dawk li faċli jbiddlu l-fehma tagħhom, fuq ta’ dawk li kuntrarju għal dak li qal il-bieraħ, verament jemmnu li l-PN għandu dritt divin li jiggverna.

Huma nies li jaraw is-surveys iva, imma ħafna drabi ma jarawx is-saħħa tal-ikbar survey, dak tal-opinjoni pubblika mifruxa. Huma nies li jserrħu moħħhom għax issa l-partit se jitlef bi 32 elf vot minflok b’36 elf, u dawk l-erba t’elef vot iħarsu lejhom bħala salvazzjoni kbira u t-triq ‘il quddiem. Bernard Grech qalilna wkoll li l-partitarji li telqu lill-partit għandhom jiġu riabilitati. Nittama li ried ifisser li dawk li ħallew il-Partit Nazzjonalista għandhom jiġu rikonoxxuti għall-abilita’ u l-esperjenza tagħhom. Nispera li ma jfissirx li jridu jiġu riabilitati bħalma jiġu riabilitati kriminali. Nittama li tkun riabilitazzjoni mhux korrezzjoni. Qiegħed ngħid hekk għax s’issa kull ma rajt kienu sforzi biex jitneħħew nies minn strutturi tal-partit billi ttieħdulhom ir-responsabbiltajiet tagħhom u saħansitra l-voti tagħhom fil-Kunsill Ġenerali. Jien kont wieħed minnhom.

Bernard Grech irid jifhem min huma n-nies li qed jingħataw pożizzjonijiet strategiċi fil-partit u liema strateġija dawn lesti biex isegwu, cioe’ jekk hux strategija li se twassal biex il-partit jirbah elezzjoni jew inkella dik li taqdi lil min hu komdu jibqa’ fil-‘comfort zone’ tal-oppożizzjoni.

Jien kont wieħed minn dawk li fl-aħħar ġimgħat iltqajt personalment ma’ Dr. Bernard Grech. L-idea ta’ dawn il-laqgħat hija tajba u personalment nista’ ngħid li l-laqgħa kienet kordjali ħafna. Dr Grech pero’ jrid jifhem li l-veterani tal-partit ma jimpressjonawx ruħhom malajr bil-kliem biss. Bħali iltaqa’ m’oħrajn u aħna kollha tlabnieh azzjoni bil-fatti.

Kliemu l-bieraħ jindika li kapaċi jisma’. Wieħed irid jara issa jekk hux kapaċi jagixxi fuq kliemu stess. Wieħed irid jara jekk hux se jkun kapaċi anki jwarrab lil min għinu jasal fejn wasal, u jsejjes pjan li jinvolvi l-lealta’ tan-Nazzjonalisti verament ġenwini fl-ekwazzjoni. Nemmen bħalu li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jiġġedded. Madankollu nemmen ukoll li t-triq ‘il quddiem tibda minn allejanzi iktar sodi mal-veterani, kemm deputati u kemm partitarji li għad għandhom ħaj fihom is-sens ta’ lealta’. L-esperjenza hija kruċjali sabiex jittrawmu r-‘rising stars’ tal-partit.

Huwa fatt li joħroġ mis-surveys li l-perċentwal taż-zgħażagħ li lesti jivvutaw il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li jmiss huwa ta’ 18% biss. Dan huwa inkwetanti ħafna u indikattiv t’iktar tnaqqir fin-numri tal-partit għall-isfidi li jmiss. Iż-żagħżagħ għandhom ikunu iktar attivi fejn jidħlu ideat ġodda biex iqajmu l-mezzi medjatiċi, soċjali u l-finanzi ġenerali tal-Partit Nazzjonalista b’mod modern u sostenibbli.

Jien li kont nattendi kull attivita’ tal-Partit Nazzjonalista nista’ nixhed li l-attendenza kienet tkun waħda anzjana u bl-ebda sinjal ta’ żagħżagħ. Dan mhux aċċettabbli f’partit li joħlom li xi darba jerġa jiggverna. Il-Partit Nazzjonalista jrid isir mill-ġdid wieħed attraenti u b’viżjoni. Ilum waqt li qiegħed nikteb dan il-post, lanqas jien ma nifhem eżatt x’jirrappreżenta il-Partit Nazzjonalista. Ninsab deluż li l-partit sar bejta tal-liberali. Illum min huwa favur l-abort jokkupa karigi mportanti fil-PN, min dejjem kien leali ġie mwarrab. Illum huwa glorifikat min jittradixxi u mhux min jibqa’ jiġġieled sal-aħħar nifs għall-prinċipji tiegħu.

Illum ‘Dio Denaro’ sar jirrenja fuq ir-‘Religio et Patria’. Nisimgħu li big businesses jindaħlu fuq min għandu jidħol jew joħroġ mill-Partit Nazzjonalista. Illum il-partit jippriedka fuq il-kontabilita’ tal-Partit Laburista u jiddefendi is-sigrieti bankarji tal-NGO’s u tiegħu stess.

Nixtieq nara inqas ipokrizija u iktar trasparenza. Il-poplu għajjien, ra wisq taħwid u sema’ wisq stejjer f’dawn l-aħħar snin. L-imxija tal-covid m’għinetx lanqas. Hawn wisq familji bil-mannara fuq rashom waqt dan iż-żmien diffiċli. Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jieqaf milli jikkritika biss u juri bil-fatti li huwa kapaċi jkun gvern alternattiv. Biex jagħmel dan, irid jiġġedded billi jitnebbaħ minn dak li kiseb fil-passat. Irid jerġa’ jagħti sinifikat lill-valuri, l-ewwel fosthom il-LEALTA’.

Leave a Reply