Where your opinion counts

Il-Mument tiċċensura lil viċi-kap Robert Arrigo

Kif tista’ ma tiddubitax lil min qed imexxi fil-Partit Nazzjonalista? Ilna nisimgħu li fil-medja tal-Partit Nazzjonalista hemm indħil kbir minn barra. Ilna nisimgħu li l-Partit Nazzjonalista qed jiġi ordnat, minn grupp ta’ nies, liema narrattiva jrid jimxi magħha u lil min għandhom jaġevolaw mid-deputati jew kandidati.

Ħarsu lejn il-faċċata tal-Mument tal-bieraħ. In-naħa tax-xellug turiżmu. In-naħa tal-lemin Air Malta. Infakkar li llum it-turiżmu qiegħed f’idejn Robert Arrigo. L-Air Malta jirrispondi Mario de Marco. Mela fuq il-faċċatta hemm ritratt ta’ Mario de Marco. Biss wieħed ma jista’ ma jinnotax li ritratt ta’ Robert Arrigo ma hemmx.

Fil-paġni dwar it-turiżmu, li hemm erbgħa, il-kelliem għat-turiżmu, jiġifieri Robert Arrigo, ma jissemma qatt. Dan id-deputat b’esperjenza vasta, u li jħaddem tant nies f’dan il-qasam, lanqas biss intalab kumment.

Għal kuntrarju tliet paġni sħaħ ta’ intervista ma’ Mario de Marco. Kemm hi ċara l-aġenda! Lil Arrigo jridu jiċċensurawh. Mhux ser ngħid li lil Mario de Marco qed jinċensawh. Biss jidher ċar daqs il-kristall li lil Robert Arrigo jridu jwarrbuh.

Nifhem li wieħed jgħolli lil de Marco f’gazzetta tal-partit politiku tiegħu. Biss ma nifhimx li viċi-kap l-anqas jissemma’ darba b’ismu f’artiklu li hu dwar it-turiżmu.

X’ma taħsibx li hemm pattijiet imxajtna fil-Partit Nazzjonalista? Possibbli anke lilek ġrew bik Sur Joe Mikallef?

F’dan il-blog issemmiet li kumpanija privata qed tindaħal fid-deċiżjonijiet ta’ min għandu jkun aċċettat lura u min ma għandux. Ma nagħmlux mod li din il-persuna qed tindaħal ukoll lil min jagħtu palata u lil min iwarrbu għal li jista’ jkun?

Din waslet xi struzzjoni jew xi ordnijiet lill-editur tal-Mument li kellu jgħaddieha lil ta’ taħtu? Ejjew nifhmu ftit. Mela erba’ paġni fil-gazzetta tal-Ħadd fuq it-turiżmu u l-ebda kelma minn għand id-deputat mexxej li t-turiżmu huwa d-dikasteru tiegħu. Ma ninsewx li l-kelliem tat-turiżmu huwa wkoll il-Viċi Kap. Niftakru wkoll li dan il-kelliem ħadem fuq mitt proposta fit-turiżmu li ma ngħidlekx kemm ilu jiftaħar bihom Dr Grech.

Imbagħad intervista ma’ Mario de Marco li hu kelliem tal-Finanzi. La hu kelliem tat-Turiżmu u lanqas tal-Ekonomija. Mela x’daħal jagħmel illum fl-istorja tal-Air Malta? Allura mhux bil-fors tikkonkludi li kien hemm ordni skjetta biex jitwarrab Arrigo. Mhux ċar jekk dan sarx wkoll biex tingħata palata lil de Marco u de Marco serviex ta’ tapp f’din l-istorja.

Ma nemminx li l-oriġini ta’ din l-istrateġija ġurnalistika ġejja mill-uffiċċju tal-Kap Dr Bernard Grech. Aktar naħseb li ġejja mingħand dawk li jappoġġjaw lil ex-Kap tal-Partit Simon Busuttil. Wieħed irid jiftakar li Mario de Marco kien il-Viċi Kap ta’ Busuttil. Dr de Marco kien ukoll il-bniedem li meta Dr Delia ried ineħħi lil Dr Busuttil, ħareġ u xerred il-famuża frażi ‘notinmyname’. Il-Malti jgħid kull qalb trid oħra. Fuq kollox, kien wieħed minn dawk, li Jason Azzopardi ddeskriva bħala “blue heroes”.

Tidher ovvja li l-klikka u l-ajjutanti tagħhom qed jiddettaw lil Dr Grech, u dawn qed jagħmlu minn kollox biex ma jħallux lil Dr Adrian Delia joħroġ għall-elezzjoni li ġejja u fuq kollox qed jaħdmu biex iwarrbu lil Robert Arrigo minn viċi-kap tal-Partit Nazzjonalista. Biss fuq din l-istorja nkompli nikteb ‘il quddiem.

Imbagħad tisma’ lil Dr Grech jirrispondi u jitħambaq li ħadd ma hu għar-rimi u li kulħadd għandu x’joffri. X’ħasra hu li minn wara dahru jsiru dawn il-gabirjoli u mutetti kollha.

Partit glorjuż f’hix ġabuk, jaħasra!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *