In-nagħaġ il-mitlufa jridu jkunu jafu bil-pattijiet imxajtna li saru biex jiġu lura

Blog post minn persuna li qara l-artiklu tiegħi tal-bieraħ

Għażiż Dr. Mercieca,

Il-bieraħ inti tellajt blog fejn fih għamilt numru ta’ mistoqsijiet lill-kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr. Bernard Grech, dwar laqgħa li tidher li saret u li ħadet madwar siegħa. Inti staqsejt jekk f’din il-laqgħa, li saret ma’ xi ħadd mill-qasam tan-negozju u li qiegħed wara waħda mill-għaqdiet mhux governattivi li qegħdin f’alleanza mal-Partit Nazzjonalista, għamilhiex ċara li ma jridx lura lil Franco Debono.

Jekk din l-aħbar hija minnha, nemmen li din saret wara li Bernard Grech qal fil-pubbliku li jrid lil Franco Debono lura fil-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tiegħi, jien stennejt sal-Ħadd filgħodu ħa nara jekk kienx hemm xi kumment fuq dan il-punt minn Bernard Grech, anki b’mod indirett u x’inhi l-pożizzjoni ta’ l-istess Bernard Grech lejn dawn in-nies li telqu mill-Partit Nazzjonalista.  Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech reġa semma’ lil Franco Debono biss issa jidher li qed jagħmel pass lura għaliex qed jgħid li mhux bil-fors jiġi lura bħala deputat. Dan hu logħob bil-kliem li jitlob spjegazzjoni separata.

Jiena bħala Nazzjonalist ferventi, imma mweġġa’, ma nistax nifhem kif qed isiru l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista bħalissa.

Mela l-ewwel Bernard ħa deċiżżjoni li jikkontesta Kap sedenti, xi ħaġa li fl-opinjoni tiegħi uriet nuqqas ta’ maturita’ kbira. Imbagħad għamel kampanja mdawwar mir-ribelli, anzi nies li l-ħin kollu jiġbdulu l-ispaga għal kull ħaġa li jgħid u jagħmel li jgħidulu. Imbagħad fl-istess żmien, il-ħin kollu jilgħaq lis-soċjeta ċivili għax ovvjament kellu bżonn il-vot u s-support tagħhom biex isir kap. Kollha kemm huma għattewlu d-diżastru dwar il-problema tat-taxxa, xi ħaġa li għax uriena ċertifikat għadu jaħseb li ħadd ma hu ser isemmihilu jew ifakkarilhu. Naf żgur li ma kull okkażżjoni possibbli, jiġi attakkat biha fil-parlament. Issa wasalna fi stat li semma li ser jieħu deċiżżjonijiet iebsa, mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Apparti minn hekk, qal li ser joħroġ idejh lil dawk l-ex-Nazzjonalisti basta jkunu riabilitati. Kellu raġun min spjega f’dan il-blog xi tfisser li tirriabilita’ politikament lil min tbiegħed. Imbagħad jieħu għalih għax iqabbluh ma’ Joseph Muscat.

Wieħed irid jiftakar li l-ewwel ħaġa li għamel Joseph Muscat kienet li ma ddejjaqx jumilja l-ego tiegħu u jmur ifittex in-nagħaġ il-mitlufa. Imma, Joseph Muscat x’għamel biex ġabar in-nagħaġ il-mitlufa madwaru?

Hawn fejn tinsab id-differenza kbira bejn Joseph Muscat u Bernard Grech. Joseph Muscat irnexxielu għax ma kellux soċjeta ċivili u grupp parlamenti u nies fil-partit jiddettawlu x’għandu jagħmel. Hu kellu lil kulħadd jiġbed fl-istess direzzjoni. Ma jidhirx li kellu min għamillu xi kundizzjonijiet fuq min għandu jdaħħal lura u lil min le. Joseph Muscat, il-kundizzjonijiet beda jagħmilhom hu. Fil-każ ta’ Bernard Grech, naħseb li dawn il-kurrenti kollha mhux ser iħalluh jagħmel li jrid.

Għaddew sitt xhur u jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista ma’ għamel l-ebda avvanz. Il-kap għandu jpoġġi idejh fuq il-kuxjenza u jibda jirrispondi b’sinċerita’. Dak li qed joħroġ ċar ma kull ġimgħa li tgħaddi hija li d-deċizzjoni finali mhux qed jagħmilha l-kap tal-partit iżda qed issir minn ħaddieħor.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed inħossni konvint li t-tmexxija ta’ Bernard Grech hija marbuta ma’ kondizzjonijiet.Għax qed ngħid hekk? Fl-aħħar survey kienet is-soċjeta’ ċivili li ħarġet bl-aħbar li meta s-survey ta’ April 2021 tqabbel mas-survey ta’ Settembr 2020, ta’ żmien Dr Delia, id-distakk naqas. B’kumbinazzjoni, Bernard Grech mar fuq NET biex irrepeta, bħal pappagall, dak li qalu tar-Repubblika!

Illum il-Ħadd stennejt li tgħidilna x’kondizzjonijiet għandek, xi ftehim dħalt fih biex ilħaqt Kap, x’qed ikollok tħallas lura, mhux finanzjarjament qed nitkellmu, lil min poġġiek hemm? Jien nistenna li l-ġurnalisti jrossu lil Bernard Grech fuq dawn l-affarjiiet. Fuq dan ma smajna xejn.

Lejlet elezzjoni, in-Nazzjonalisti dwar dan iridu jkunu jafu. In-nagħaġ il-mitlufa jridu jkunu jaf x’inhu għaddej minn wara l-kwinti u x’pattijiet imxajtna saru qabel ma jiddeċidu biex jiġu lura għaliex huma l-vittmi ta’ dawn l-azzjonijiet.

One comment

  1. Well said. A leader is not a leader at all if he is instructed by others what decisions to take, how to speak and how to act. Neither should a political party be influenced and have close ties with the Civil Society.

Leave a Reply