Il-Każ tal-Perit Toni Bezzina

Blog post minn osservatur politiku

Sur Kummissarju tal-Pulizija qed nistiednuk tressaq lill-Perit Toni Bezzina, Deputat Nazzjonalista, kemm jista’ jkun malajr il-qorti. Anzi jekk jista’ jkun nhar it-Tnejn. Bezzina għamel dikjarazzjoni diretta li dak li qed isir huwa frame-up. Din saret wara erba’ siegħat ta’ interrogazzjoni. Jekk il-Perit Bezzina qed jgħid hekk sinjal li qed jinduna li xi ħadd qed jipprova jew prova jħammġu, aktar u aktar għandek tipproċedi.

Min jaf lill-Perit Toni Bezzina jaf li dan huwa ġentlom, membru parlamentari li jaqdi dmiru mill-aħjar li jista’, jżomm lill-Ministru Ian Borg dejjem attent għax id-domandi tiegħu huma relevanti u mportanti. Il-Perit Bezzina huwa persuna maħbuba ma’ Malta kollha imma huwa miżmum fuq wiċċ l-idejn mil-kostitwenti tiegħu fuq id-distretti li fihom jikkandida ruħu. Jekk wara tmien snin inħasset il-ħtieġa li dan id-deputat jiġi nterrogat, allura huwa aktar importanti issa, lejlet elezzjoni, li dan il-futur kandidat jiġi mressaq ħalli jnaddaf ismu jew jieħu li ħaqqu. Jiena persważ li dak li ħaqqu huwa sentenza nadifa daqs tazza ħierġa minn dishwasher. Jien ċert li dan raġel li qatt ma jipprova jew jażżarda jxellef subajh mal-ġustizzja, huwa bniedem li juża r-riga tal-liġi b’kuxjenza u żgur li mhux ser jasal jagħmel xi ħaġa kontra l-liġi.

Biss jiena nemmen ukoll li bniedem jista’ jiżbalja u jikkommetti żbalji kemm kbar kif ukoll żgħar. Imma issa l-ġustizzja waslet sa hawn. Ġie mgħajjat u għal erba’ siegħat ġie interrogat. X’intqal hemm ġew diffiċli nkunu nafuh. Imma jekk jersaq il-qorti hemm jkun jista’ jnaddaf ismu.

Fl-opinjoni tiegħi mhux sewwa li dan id-deputat jibqa’ mdendel mal-ġustizzja meta jista’ jkun li fi żmien qasir irid imur quddiem il-ġudizzju tal-poplu. Mhux sewwa li għax ma jkunx mogħti l-possibilita’ li jirrispondi għall-allegazzjonijiet magħmula kontrih, jersaq għall-ġudizzju minħabba li baqa’ mdendel mal-ġustizzja. Jista’ jkun ukoll li l-awtoritajiet ma għandhomx porvi biżżejjed f’idejhom biex jaslu lanqas għal sparatura waħda.

Allura hemmhekk irid jintwera, mhux biss, li l-ġustizzja ssir, imma l-ġustizzja għandha tidher li qed issir. F’din is-sitwazzjoni l-awtoritajiet għandhom joħorġu dikjarazzjoni u jinfurmaw lill-poplu li l-interrogazzjoni mhux biss ma waslitx biex turi xi azzjoni ħażina min-naħa tad-deputat, imma li l-awtoritajiet waslu għall-konklużżjoni li lanqas hemm il-ħtieġa li jieħdu passi. Jekk l-awtoritajiet ġew murija evidenza, ġew konvinti li ma kien sar xejn ħażin, għandha tinforma lill-poplu b’dawn ir-riżultati.

Ikun tassew inġust li jintefa’ dubju fuq bniedem, jiġi interrogat, joħorġu xi tip ta’ indikazzjoni mill-interrogazzjoni, u jitħalla mdendel, la ‘l hemm u lanqas ‘l hawn. Dan huwa rappreżentant tal-poplu u bħala tali għandu jkun jew misjub ħati jew ismu jiġi totalment imnaddaf.

Dan għax kif għidt, il-Perit Toni Bezzina mhux biss persuna privata imma huwa wkoll persuna li qed tirrappreżenta lili u ħafna oħrajn bħali fl-għola istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament Malti.

Leave a Reply