Emmanuel Dimech, Antonio Nicholas u l-uffiċju tal-Avukat tal-Kuruna (illum ġenerali). Ftit inbiddlu l-affarijiet mill-1914

L-Arkivju Nazzjonali ppubblika dan id-dokument fejn l-avukat ġenerali ta’ dak iż-żmien li kien jissejjaħ l-avukat tal-kuruna, qed jagħti parir għall-arrest ta’ numru ta’ nies, fosthom Manuel Dimech. Dan kien konness mal-bidu tal-Ewwel Gwerra u dawn kienu mitqiesha bħala ta’ periklu għall-kuruna.

Waqt li fuq Manuel Dimech inkiteb ħafna, anki jekk dan hu dokument ġdid fuqu, laqgħatni l-isem ta’ Antonio Nicholas f’din il-lista. Dan kien minn Raħal Ġdid. Hemm l-ieħor kunjomu Ahar. Dan kien minn l-Isla. Parti mill-familja niżlet toqgħod Raħal Ġdid.

Fil-każ ta’ Antonio Nicholas, fakkarni f’ibnu li kien jismu Rogantin. Niftakru xiħ fit-tmenijiet f’Raħal Ġdid. Kienu nies Kattoliċissimi.

Antonio Nicholas kien pittur u jaħdem it-tarzna. Fil-qasam tal-pittura kien jispjeċjaliżża fuq xeni marittimi. Naħseb li dan kien iwassal biex jaqla’ xi ħaġa extra għall-familja. Il-familja kienet ta’ oriġini Franċiża. Niftakar lill-ibnu Rogantin jgħid li l-iskultur Salvu Psaila kien antenat tiegħu, minn naħa t’ommu.

Antonio Nicholas kien involut fil-bini ta’ Raħal Ġdid. Mhux ser nikkummenta fuq l-aspett politiku għaliex l-impressjoni li għandi li dawn kienu ispirati minn Giuseppe Mazzini.

Fuq kollox, kien il-persuna li mexxa l-agenda biex il-Malti jkun ikkunsidrat bħala waħda mill-ilsna fil-Parlament Malti meta kienet saret l-assemblea ġenerali li wasslet biex Malta ngħata s-self government.

Il-familja ta’ Antonio Nicholas kienet spiċċat familja akkanita mal-PN. Ovvjament l-oppressjoni imperjali twassal u l-fatt li l-Lejber tqarreb lejn il-Partit ta’ Strickland wasslet biex il-familja timxi lejn il-Partit Nazzjonalista li f’dik il-ħabta kien jidher li hu l-aktar jiġġieled l-oppressjoni kolonjali. Fuq kollox, dawn l-istejjer juru li x-shifts politiċi kienu anki jeżistu f’dawk iż-żminijiet.

Biss l-aktar interessanti f’dan id-dokument huwa l-mod kif qed jaħdem l-uffiċju tal-avukat tal-kuruna. Meta qrajt dan id-dokument ftakart fl-argumenti li din il-ġimgħa li d-deputat avukat ġenerali għamel biex Yorgen Fenech ma jingħatax il-liberta’ proviżorja.

Ftit inbiddlu l-affarijiet minn dak iż-żmien!

Leave a Reply