Il-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien

Kemm noħodha bi kbira meta pampaluni ta’ partit politiku jippruvaw jgħaddu biż-żmien lin-nies. Dik il-ħaġa li dawn in-nies jaħsbu li għandhom xi għerf superjuri minn ħaddieħor, li jafu jilagħbu bin-numri u ħadd ma jinduna, li jippruvaw jgħaddu mit-tieqa flok mil-bieb, lili tqallani anki jekk nammira l-kapaċitajiet tagħhom.

Jiena għandi massma li meta joħroġ survey u jagħti dak is-snapshot tal-ġimgħa li fiha jkun sar, qatt ma nqabblu mas-survey ta’ qabel jew ta’ xi surveys ta’ xhur qabel. Meta nħares lejn survey jien inqabblu dejjem ma’ eżami fattwali li jkun sar fil-pajjiż. Mela kull survey li qed joħroġ bħalissa jien inqabblu biss mar-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, jiġifieri dik tal-2017. La tal-Kunsilli Lokali u lanqas tal-MEPs ma jissodisfawni bħala tqabbil.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ elezzjonijiet tal-aħħar, il-votant jużahom biex jibgħat messaġġ jew vot ta’ sfiduċċja lil-Partit tiegħu. Mela l-vanġelu tiegħi huwa survey fuq kif inhu għaddej il-pajjiż inqabblu mal-fatti tan-numri ta’ elezzjoni ġenerali. Issa li jiġu tas-Soċjeta Ċivili ibellgħuli ħafna ċifri u diżinji mdawrin kif jaqbel lilhom, ma jimpressjonani xejn. Apparti minn hekk dawn l-għorrief magħqudin mal-Partit Nazzjonalista, għax issa huwa ovvju li saru ħaġa waħda, ħarġu bl-idea stupida li l-Partit mar tajjeb ħafna meta imqabbel mas-survey ta’ Settembru. Kif nara dawn l-affarijiet nitlob lil ħanin Alla jilluminani. Għax jien ma nistax nifhem kif partit politiku, suppost serju, jqabbel mal-aħħar survey li kien hemm kap differenti.

Imbagħad l-insult isir ħafna ikbar meta l-kap kurrenti jagħmel diskors qasir fuq il-media tiegħu biex jenfasizza din il-balbuljata. Dr Bernard Grech jekk ser tibqa’ tgħid dak li jbellawlek u tirredikola ruħek għax mingħalik akkwistajt xi ħaġa tkompli turina li lanqas maturita’ politika ma għandek u l-anqas tifhem fin-numri bażiċi tal-aretmetika. Int mal-kap ta’ qablek trid tikkompara ruħek jew ma fejn wasal il-partit meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali ta’ qabel? Billi tgħid li għaddejt lil ta’ qablek x’ser tieħu? Billi toqgħod tgħid li niżżilt id-distakk f’ħamsin fil-mija meta mqabbel mal-Kap ta’ qabel x’messaġġ qed tagħti? Inti jaqaw insejt li ta’ qablek kellu ribelljoni kontrih bl-istess deputati jitolbu lill-akkolti tagħhom jivvutaw kontra l-partit f’xi survey ikun liema jkun?

Imma kemm taħsibhom boloh in-nies! Jekk issir elezzjoni għada, il-Partit Nazzjonalista x’riżultat ikollu? Eżatt bħal tal-2013 jew 2017? Mela x’akkwistajt Dr Grech? Un bel zero. Jaħasra kemm qed inkunu patetiċi. Imma possibbli l-arroganza tat-tmexxija tal-Partit laħqet livell tali, li qed taħseb li l-elettur nazzjonalist huwa tant injurant u bla melħ? Kif dejjem ngħid it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qiegħda tgħix fl-La la land. B’din l-attitudni qed jintbagħat messaġġ li jekk il-Partit Laburista jibqa’ għaddej kif inhu, mingħajr ma jagħmel xejn barra minn hawn, ser jerġa’ jirbaħ bl-istess numri tal-aħħar elezzjoni ġenerali jew ta’ dik tal-2013.

Mid-dehra fid-Dar Ċentrali hemm salt ferħanin għax ċwieċ. Qumu minn hemm u aħdmu. Qumu minn hemm u ħarsu lejn it-tragward fattwali. Qumu minn hemm u tgħaddux iżjed nies biż-żmien. Qumu minn hemm u rrealizzaw li l-avversarju politiku m’huwiex Dr Adrian Delia imma l-Partit Laburista. Bernard Grech mal-Lejber irid iqabbel lilu nnifsu u mhux ma’ Adrian Delia.

Qumu minn hemm u ndunaw li s-Soċjeta Ċivili qed tagħmel ħsara kbira lill-Partit Nazzjonalista. Qumu min hemm u ifhmu li s-Soċjeta Ċivili qed tadolizza persuna li ssemmiet bħala r-raġuni prinċipali tal-ikbar telfa li qatt sofra l-Partit Nazzjonalista fl-2017. Mela l-indikazzjoni hija ċara. Ma min rajtek xebbaħtek. L-istorja qed tirrepeti ruħha. Tbegħdu mit-telliefa tas-Soċjeta Ċivili u l-Partit Nazzjonalista forsi jibda jieħu r-ruħ.

Leave a Reply