Il-PN irid iħalli l-vuċi taż-żgħażagħ tinstema’
Blog post minn osservatur politiku
M’hemmx dubju li l-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, irnexxielu jiġbor kważi lil dawk kollha li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017. Ngħid kważi, għaliex skont l-istħarriġ tal-Malta Today u tat-Torċa, għad hemm nies li vvutaw lill-PN fl-2017 u issa qed jgħidu li se jivvotaw Partit Laburista. Ħaġa diffiċli li tifhimha, iżda li ġġiegħlek taħseb x’wassal biex dawn se jbiddlu l-partit issa li ħerġin dawn l-istejjer kollha ta’ korruzzjoni.
Min-naħa l-oħra, il-PN qed jieħu voti lill-PL daqs kemm il-Labour qed jieħu lura lill-PN. Allura tasal għall-konklużjoni li xi ħaġa ħażina fid-Dar Ċentrali hemm bilfors, għax kieku dawn in-numri ma jagħmlux sens. Se nipprova nistħarreġ x’hemm tant ħażin fil-PN li mhux jitħalla jiġbed lejh votanti ġodda.
L-ewwel ħaġa hi l-arroganza. Iva l-istess arroganza li kellu l-PN meta kien fil-gvern għadha hemm. Tgħiduli kif jista’ jkun, il-PN fl-Oppożizzjoni qiegħed! Nistidinkom issegwu l-argument li se nagħmel.
Adrian Delia sab klikka interna taħdem kontrih kuljum. Irnexxielhom jaqsmu partit li diġa kien agunija wara żewġ telfiet papali. Iżda meta fl-aħħar neħħew lil Delia u poġġew lil Bernard Grech, kulħadd ħaseb li l-partit se jibqa’ maqsum. Dan għaliex, kieku din id-darba dawk li jappoġġjaw lil Delia li bdew jgħidu li mhux se jivvotaw, l-istorja kienet tibqa’ l-istess. Iżda minflok, għax Delia mill-ewwel iddikkjara li kien se jkun leali lejn il-kap il-ġdid, il-maġġoranza ta’ dawk li jappoġġjawh għamlu bħalu. B’hekk biss seta l-PN jidher maqgħud u jżid fis-sondaġġi. Li ma kienx għal dawk l-eluf li jappoġġjaw lil Delia li baqgħu jappoġġjaw lil PN, anke wara li tneħħa l-kap tagħhom elett demokratikament, kieku l-PN illum kien ikun fl-istess sitwazzjoni li kien fiha fl-2019. Hawn tidħol l-arroganza. Dik is-suppervja ta’ nies bħal Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami megħjuna minn Manuel Delia u l-bella kumpanija. Għax minflok ma ferħu u rringrazzjaw lil dawn il-partitarji ġenwini li baqgħu jappoġġjaw lill-PN, l-arroganza tagħhom waslet biex minflok jibdew jattakkawhom u jtajruhom minn postijiet fejn kienu lesti jservu, bħalma hu l-każ klassiku ta’ Angelito Schiberras, fejn wara li l-Kap talbu jieħu ħsieb il-kampanja elettorali, sar boycot kontrieh u kollox sfaxxa fix-xejn.
Moħħ ieħor b’esperjenza twila mitluf. L-istess ġara lil ħafna oħrajn f’kumitati sezzjonali, fergħat u għaqdiet tal-partit. L-arroganza rebħet fuq ir-raġuni u l-PN riesaq lejn telfa kolossali oħra. Issa diġa’ fil-PN tisma’ lil min qed jgħid li wara telfa oħra jitneħħa Bernard Grech u minfloku t/jiġi xi ħadd li jagħmel miraklu. Sewwa qalitilhom Roselyn Borg Knight: Dawn nies li ma jitgħallmux! L-aħħar darba ltqajt ma kanvaser tad-Deputat u Deputy Speaker Claudette Pace Buttigieg. Qalli li l-kandidat tiegħu se ssibha diffiċli għax qasmulha d-distrett u xebgħat tħabbat bibien imma ma jiftħuliex. Qisu fuq id-distrett jafu kemm ħadmet biex tajret lil Adrian Delia. Imma ħaġa tal-iskantamanet tafu biex spiċċali?
Qalli, insomma issa bil-mekkaniżmu parlamentari tal-ugwaljanza xorta ssib ruħha hemm tafx! X’arroganza! X’nies! Taf li ma jriduhiex u rasha mistrieħa li ser iddeffes denbha fil-Parlament xorta! Dejjem sakemm il-Kap Bernard Grech mhux se jieħu d-deċiżżjonijiet iebsa u din id-darba juża l-mekkaniżmi kollha possibli biex fil-Parlament jidħlu uċuh ġodda u friski bħal Roselyn Borg Knight, Jerome Caruana Cilia, Joe Giglio, Alex Borg, Graziella Galea, Rebekka Cilia, Justin Schembri u James Aaron Bugeja fost l-oħrajn!
Jekk il-partitarji Nazzjonalisti jridu jneħħu l-arroganza darba għal dejjem mela jridu jeleġġu deputati ġodda u din id-darba, biex ma jiġrix bħalma ġara lil Franco Debono jew lil Adrian Delia, jrid ikun hemm maġġoranza kbira ta’ deputati ġodda ħalli dawk l-antiki, li xorta se jsibu kif jiddefsu għal legiżlatura oħra, jbaxxu rashom u jħallu l-vuċi taż-żgħażagħ tinstema!