X’deċiżjoni ser ikun qed jieħu Bernard Grech bla biża’ u favuri?

Il-Malta Today tgħidilna li Dr. Bernard Grech ser jieħu deċizzjonijiet iebsin mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Fil-fatt il-gazzetta tgħidilna l-espressjoni Ingliża ‘without fear or favour’. Tgħidilna wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn id-deċiżjonijiet ser joħodhom sabiex il-Partit Nazzjonalista jsir l-għażla naturali ta’ gvern alternattiv. Din tad-deċizzjonijiet ilu jgħidha Dr. Bernard Grech. S’issa għadna ma rajna xejn imma kif jgħid l-Ingliż: ‘pleasures yet to come’.

Imma issa wasal il-mument ukoll li nibdew inħarsu lejn x’jistgħu jkunu dawn id-deċiżżjonijiet billi nħarsu lejn dak li qed jagħmel l-aktar ħsara lill-Partit fil-preżent. Tgħid min jaf minn fejn ser jibda’ Dr Grech? Tgħid ser ineħħi lill-klikka li tant għamlet ħsara lill-Partit Nazzjonalista qabel ma poġġew lilu Kap? Tgħid ser jibda jitbiegħed minn dawk id-deputati li avvelew lill-Partit speċjalment meta marru għand il-President ta’ Malta biex ineħħu Kap tagħhom stess? Tgħid ser jitbiegħed minn dawk li bl-attitudni tagħhom qed iġibu iżjed diviżżjoni milli għaqda? Biss meta tirrifletti fuq dawn l-affarijiet tistaqsi, imma kif jista’ jitwarrab minnhom dawn in-nies li poġġewh hemm, li tawh ir-riedni f’idejh basta jagħmel dak li jgħidulu huma, dawk li qiegħdin madwaru jseffsulu f’widnejh u jiġbduh lejn naħat diversi?

Tgħid ser jgħid il-kumitati sezzjonali biex jibdew jagħqdu dmirhom mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u mhux ikeċċu lil Nazzjonalisti bħalhom, dan kollu għax kienu qed jissapportjaw lill-kap ta’ qablu?

Għalija r-risposta ta’ dan kollu hija ‘LE’. Għaliex il-ktajjen ma saqajh ma jippermettulux anki jekk jixtieq jagħmel hekk. Fil-verita’ hemm ħafna ġlied intern bejn il-fazzjonijiet li eleġġewh u nista’ niżvela li qed isib oppożizzjoni fil-grupp parlamentari minn dawk stess li eleġġewh. Deputat minnhom ġa qallu ċar u tond li dwar l-cannabis irid jikkunsulta mal-grupp parlamentari u ma jistax jiddeċidi waħdu.

B’hekk il-kap Nazzjonalista għandu idejh marbuta.

B’hekk is-suspett qed idur li l-ewwel deċiżżjonijiet huma li jressaq mozzjoni fl-eżekuttiv biex iwarrab liż-żewġ viċi kapijiet anki jekk dawn eletti sal-elezzjoni. Din ilha thewden fin-nies ta’ madwaru. Għaliex qed ngħid hekk? Għax naf li Dr Grech mal-viċi kapijiet tiegħu ma jitkellem kważi qatt. Għax kien hemm deputati li qed jistaqsu meta ser iwarrbu ħalli Dr Grech jpoġġi l-viċi kapijiet li jixtieq hu.

Jekk din id-deċizzjoni tissarraf fil-fatti allura kull Nazzjonalist ikollu jibda’ jirrifletti kemm għadu jitwemmen il-Partit? Kemm għadu sod fil-prinċipji u l-valuri li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista?

Leave a Reply