Kemm verament ġabar flus il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar maratona?
Il-MaltaToday tinfurmana bi problema teknika li kellha l-kumpanija GO waqt ħames maratoni ta’ ġbir ta’ fondi. Fil-fatt din il-problema teknika telfet €1.4 miljun lill-istituzzjonijiet tal-karita’ u liż-żewġ partiti politiċi. Il-GO ħarġet tesprimi d-dispjaċir tagħha għal din il-problema teknika li nħolqitilhom matul il-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi. Il-problema tirreferi għal reġistrazzjoni doppja tad-donazzjonijiet mogħtija. Biex inkunu ċari, importanti li nsemmu li kull min offra donazzjoni ma ħallasx doppju. Li ġara huwa l-mod kif ġiet reġistrata l-informazzjoni dwar id-donazzjonijiet.
Fi kliem sempliċi dan fisser li min għamel donazzjoni ta’ €10 kien ħallas €10 kif suppost, imma fuq ir-reġistru fejn jinżammu l-ammonti tad-dħul dehru doppji, mela bi żball dehret donazzjoni ta’ €20. Allura kull min organizza maratona ġie nfurmat li mill-GO daħlu somma d-doppju ta’ li suppost.
Dan l-iżball sfortunat sarraf telf lil kull min organizza dawn il-maratoni jew aħjar ġie mogħtija informazzjoni żballjat lill-pubbliku u lill-istess organizzazzjoni. Nista’ nimmaġina li din ma kienetx informazzjoni sabiħa lill-istituzzjonijiet separati. L-agħar li marret kienet L-Istrina. Fil-fatt din soffriet telf ta’ €948,000. Intlaqtet ħażin ukoll id-Dar tal-Providenza li mis-somma suppost miġbura tnaqqsulha €427,000. L-istess ħaġa ġrat lill-Caritas. Mis-somma miġbura mill-Caritas irrużulta nuqqas ta’ €244,110.
F’dikjarazzjonijiet maħruġa mid-Dar tal-Providenza u l-Caritas, ikkonfermaw li dan it-telf ser jaffetwalhom il-pjanijiet tagħhom għal matul din is-sena. It-tnejn qalu li ser jafdaw fil-providenza u talbu għall-ġenerożita tal-poplu Malti u Għawdxi.
Malta Today pruvat tagħmel kuntatt mal-Partit Laburista imma l-gazzetta għadha tistenna l-ammont mitluf minn dan il-Partit. Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali, Dr Francis Zammit Dimech, qal li l-Partit għadu qed jaħdem biex jistabbilixxi l-ammont li ntilef. Biss Dr Zammit Dimech ma waqafx hemm. Huwa kompla jgħid li hu ma jaħsibx li dan l-iżball tekniku ser ikollu mpatt kbir fuq id-donazzjonijiet mogħtija. Huwa żied li ħafna mid-donazzjonijiet miġbura kienu min-nies li marru d-Dar Ċentrali jippreżentawhom personalment.
Nifhem li l-Partit Laburista forsi ma tantx għandu għalfejn jgħaġġel biex jara kemm sarraf it-telf tiegħu. Milli nafu matul is-snin, il-Partit Laburista mhux qiegħed f’xi stat ħażin jew ta’ inkwiet fuq livell finanżjarju. Allura d-daqqa ta’ telf minn l-aħħar maratona mhux ser tħallihom bla nifs.
Imma tiskanta tisma’ lil Zammit Dimech jistqarr li jaħseb li mhux ser ikollha effett qawwi. Sa fejn nafu għall-Partit Nazzjonalista, kull qatra tgħodd. Forsi skond is-Segretarju Ġenerali l-problema tal-pagi m’għadiex pjaga fuq il-Partit Nazzjonalista. Kien dikjarat li l-maratona kienet qed tkun organizzata biex tittaffa ftit il-problema finanżjarja li kien qed jiffaċċja l-Partit Nazzjonalista. Allura Dr Francis Zammit Dimech kif joħroġ bi tweġiba bħal dik meta jaf li fl-aħħar ta’ kull xahar irid iħabbel rasu kif ser iwassal għas-somma neċessarja biex joħroġ iċ-cheques lill-impjegati kollha tiegħu?
Fuq kollox, waqt li l-pagi jibqgħu nkwietanti, hemm fattur ieħor li naħseb li qed jinkwieta lill-Partit Nazzjonalista bil-kbir. Il-mantra bħalissa hija, kemm sejjer tajjeb il-Partit Nazzjonalista wara li tkeċċija ta’ Adrian Delia minn kap tal-istess partit. Wara din it-taħwid tal-GO, il-mistoqsija ssir aktar importanti: kemm verament ġabar il-PN fl-aħħar maratona ta’ Diċembru? Ma nagħmlux mod li ma jridux jgħidu kemm ġabru eżatt għax b’hekk ikompli joħroġ kemm fil-fatt sejjer ħażin il-PN? Infakkar, li f’Diċembru, is-somma miġbura ġiet interpretata bħala appoġġ għall-kap il-ġid Nazzjonalista, Bernard Grech.