Where your opinion counts

Ir-riklam biex tivvota Lejber, ix-xiri ta’ fuel mill-Libja u restaurant f’Marsaxlokk

“Dad, jien ħa nivvota Labour”. Dawn kienu ħames kelmiet mistqarra minn tfajla ħelwa fi dramm qasir imma effettiv li l-Partit Laburista prepara għall-kampanja tiegħu tal-elezzjoni tal-2013. Dawk il-ftit minuti mxandra b’mod regolari fuq ix-xandir televiżiv ħalla effett impressjonanti fuq il-votant f’dik l-elezzjoni. Tant kien hekk li dak ir-riklam baqa’ fuq fomm kulħadd.

Illum dik it-tfajla, Florinda Sultana, li tant attirat ammiraturi, reġa’ qiegħda fl-aħbarijiet. Sfortunatament din id-darba mhux ser ikollha wisq kummenti feliċi. Dik it-tfajla li llum għandha 29 sena tfaċċat f’awla tal-qorti fejn iddikjarat li mhux ħatja għall-allegazzjonijiet li tagħhom ġiet mixlija. Hija tressqet il-qorti fejn qed taffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u trasport illegali ta’ żjut. Dawn huma akkużi marbutin mal-missier tar-rispett tagħha, Darren Debono.

Imma tfittxija li saret fid-dar tagħha mill-pulizija s-sena l-oħra, wriet li hi mhux sejra ħażin fil-ħajja ta’ kuljum għaliex instabet somma sostanzjali, b’karozza lussuża ħafna u affarijiet oħra ta’ valur għoli. Biss naħseb li l-aktar ħaġa importanti u forsi li tista’ twassalha għal ħafna inkwiet kienet li nstabu dokumentazzjoni u apparat ieħor elettroniku dwar l-erba’ restoranti tal-familja, Porticello, Capo Mulini, Silver Horse u Onda Blu. Għaliex dawn id-dokumenti jistgħu jkun ta’ inkwiet akbar? Għaliex naħseb li din hija l-aktar parti tal-istorja importanti aktar mir-riklam li għamlet lill-Lejber 2013?

Skond ir-rapport tal-Lovin Malta l-pulizija qed taħseb li dawn l-erba’ restoranti kienu qed jintużaw għall-ħasil tal-flus. Sultana kienet qed tmexxi xi restoranti minn dawn u għalhekk il-pulizija għajtulha biex jistaqsuha xi mistoqsijiet. L-erba’ restoranti għandhom reputazzjoni tajba u l-klientela ma kienetx nieqsa meta kienu miftuħin. Meta tqis li familja waħda jkollha erba’ restoranti ġo Marsaxlokk, Tal-Pieta’ u tnejn il-Belt ikun ifisser li l-business sejjer tajjeb.

Wara li ħarġet din l-istorja irċevejt dan il-messaġġ mingħand persuna li qaltli

Ma nistax ngħid li mort niekol fl-erba’ li huma imma dak ta’ Tal-Pieta’ iffrekwentajtu. F’dan ir-restorant, Onda Blu, rajt uċuh li għarafthom u ma kienetx esperjenza ta’ darba.  Waħda mill-affarijiet li nnotajt kienet li jien kont nidħol u nibda’ niekol wara li dawn il-ħbieb ikunu bdew, imma dejjem tlaqt mir-restorant qabilhom. Min din biss wieħed jinduna li l-ikliet ma kienux biss mod ta’ rilassament jew ikla soċjali imma kienet ħafna iżjed minn hekk. Meta tara għal darba wara oħra grupp ta’ uċuh li jaħdmu fl-istess uffiċju politiku jdumu hemm jieklu, tieħu l-impressjoni li jkunu qed isiru diskussjonijiet ulterjuri. Barra minn hekk il-capo squadra ġieli kellu wkoll mistiednin oħra, f’dan l-istess restorant. Tgħiduli x’hemm ħażin? Xejn affattu, jekk tħares lejn il-wiċċ tal-istorja. Imma ma nistax ma tgħorkiex għajnek wara li tisma din l-istorja”.

Biss il-kobba tkompli titħabel ma’ dawn ir-restaurants. Din id-darba ser nitkellem fuq dak ta’ Marsaxlokk. Hu restaurant tajjeb ħafna. Jien personalment ġieli mort niekol hemm. Mhux irħis imma dejjem mimli bin-nies. Sa hawn ma hemm xejn ħażin. L-anqas naħseb li minħabba din l-istorja għandu jbati r-restaurant.

Biss dan ir-restaurant Capo Mulini kien involut fi storja kerha fl-2014. F’dik is-sena s-sid ta’ dan ir-restaurant kien Darren Degabriele. Dan kien ħadu s-sena ta’ qabel. Ir-restaurant kien jismu Gente di Mare. Dan Darren Degabriele kien inqatel b’bomba li ġiet imqegħda taħt il-karozza tiegħu. Minn barra li kien is-sid ta’ dan ir- restaurant f’Marsaxlokk, Darren Degabriele kien ukoll is-sid ta’ Degabriele Fuels u kellu dgħajsa li tagħmel vjaġġi frikwenti lejn Misurata fil-Libja.

Għalija hemm wisq similarjiet f’dawn l-istejjer biex wieħed ma jsemmihomx.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *