Roselyn Borg Knight tilbes il-korazza u tmur għall-ġlied

Il-bieraħ, is-segretarju tal-Partit Nazzjonalista, Roselyn Borg Knight kitbet artiklu fuq il-Malta Today dwar is-survey li ħareġ il-Ħadd li għadda fuq il-partiti politiċi. Minbarra li Borg Knight hija s-segratarju internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, hija wkoll kandidata għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fil-kitba tagħha, Borg Knight ma mpurtahiex mill-akkwist ta’ xi vot. Anżi wżat dan l-artiklu biex tagħti tbeżbiża lill-Partit tagħha stess. Fi kliem ieħor libset il-korazza u marret għall-attakk. Persważ li l-amminstrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ser tieħu nota u ma għandix dubbju li ser jippruvaw jikkontatjawha u fuq kollox jibgħatu għaliha.

Jekk isir hekk, jekk mhux diġa sar, jikkonfermawli dak li ilni naħseb u nikteb dwar il-Partit Nazzjonalista li qed jgħix fl-La la land. Il-Partit Nazzjonalista qed ikun pjuttost ewforiku wara l-ħruġ tas-surveys għaliex qed jaħseb li qed jagħmel xi passi żgħar li ‘l quddiem. Dawn il-passi qed jaħsibhom passi ta’ ġgant meta fil-verita’ mhux mixi ‘l quddiem iżda qed iżappap u ma hu qed jiggwadanja xejn. Aqraw x’kitbet din il-kandidata mimlija kuraġġ lejn il-Partit Nazzjonalista:

The numbers are shouting out loud. PN is not attracting the new voters and those who left the Party along the years. The issue here does not stop with Bernard Grech, in fact he is slowly gaining more of the peoples’ trust. Evidently the PN is playing a broken record, its music does not resonate with the young and those who deserted will not return when they see that the reasons they left for are still there. Partit Nazzjonalista – Present New Policies with Relevant Faces. #PAGNAGDIDA

Nifraħ lil Roselyn Borg Knight għad-dikjarazzjoni tagħha. Nifirħilha għall-kuraġġ li uriet bil-kitba tagħha. Ngħidilha li l-kitba hija espressjoni ta’ realta’, li sejħet dak li hu abjad abjad u dak li hu iswed iswed. Nawguralha fil-mixja tagħha lejn l-elezzjoni u nħeġġiġha tkompli tgħaddi messaġġi li jirreflettu r-realta’ u mhux ix-xewqat. Forsi mhux bilfors naqbel magħha ta’ x’għandha tkun din ir-realta’ ġdida u kif għandhom ikunu attirati ż-żgħażagħ lejn il-Partit Nazzjonalista.

Imma xorta naħseb li diskors bħal dan iwassal biex il-Partit Nazzjonalsita jakkwista u mhux jitlef voti. In-nies iddejqu jisimgħu kliem fil-vojt mill-għola persuni fit-tmexxija. Il-kitba ta’ Borg Knight tant hija veritiera u persważiva li żgur tattira s-sosten tan-nies. Kliem bħal dan hu xaqq ta’ dawl għall-Partit Nazzjonalista. Forsi jiftaħ għajnejh u jirrealizza li mhux kull ma ileqq huwa deheb. Forsi jirrealizza li hemm bżonn kbir li l-Partit Nazzjonalista iniżżel saqajh mal-art. Forsi jifhem li hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista jattira lura lil dawk diżappuntati b’dak li ġara f’dan l-aħħar xhur (li huma ħafna). Forsi jibda iressaq lejh dawk li tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista qabel l-2013 u anke wara (li huma iżjed).

Kulħadd għandu dritt jikkritika lil min jikteb. Persważ li Dr Borg Knight ser taqla’ ħafna minn din il-kritika negattiva. Ngħidilha li dawk li ser jikkritikawha mhux qed jaraw dak li hu tant ċar. Huma nies li forsi fdaw it-tmexxija f’min ħasbu li ser jagħmel il-mirakli. Ħasbu li għax jinbidel il-Kap ser tissolva l-problema. Dawn l-istess nies jaħsbu li s-survey mhux importanti u huwa biss snapshot allura ma jagħtuhx l-importanza li jixraqlu. Huma l-istess nies li jaħsbu li kull ma jagħmel il-Partit Nazzjonalista huwa spirat biss mis-sewwa. Huma nies li jdaħħlu rashom fir-ramel u ma jerfawhiex qabel il-ġurnata tal-elezzjoni u ovvjament ma jkunu fehemu xejn.

Naqbel ma’ Borg Knight li l-politika tal-Partit trid tiġġedded ħa toffri proposti u alternattivi sodi, innovattivi u dehenji. Naqbel ukoll ma’ viżjoni relevanti u b’uċuh ġodda. Uċuh ġodda ma jfissirx xi ħadd li kien back bencher sal-2013 ma għandux jibqa’ jagħti sehemu speċjalment jekk kien imwarrab f’dak il-perjodu. Meta ngħid li għandhom jitwarrbu l-antiki jew id-dinożawri nkun qed nfisser dawk kollha li kellhom x’jaqsmu ma’ l-igvernar arroganti mill-Partit Nazzjonalista sal-2013 u allura baqgħu hemm anke fl-2017 u b’hekk għadhom hemm sal-lum. L-elettorat qed jagħmililhom ċara – intom li kontu parti mid-deċizzjonijiet fil-kabinett u oħrajn qrib tiegħu sal-2013, u rajtu n-nies dubbien, warrbu. Għamlu l-wiesa’. Grazzi ta’ xogħolkom imma issa ħudu mhux pass wieħed lura imma mija. Dawn jafu minn huma. Dawn jafu x’qed jgħid is-survey. Dawn jafu li żmienhom għadda. Dawn jafu li twarrbu ħafna votanti Nazzjonalisti minħabba fihom. Mela inutli dawn l-istess nies jibqgħu jwaħħlu f’ħaddieħor. Persważ li l-unika possibilita’ li fadallu l-Partit Nazzjonalista hija b’nies, li bħal Borg Knight, ‘call a spade a spade’.

Leave a Reply