Joe Giglio: What a breath of fresh air…

Blog post minn korrispondent politiku

Il-bieraħ rajt program fuq in-NET fejn kien hemm analiżi tal-gazzetti. Fost il-mistiednin kien hemm l-Avukat Joe Giglio. Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta lil dan l-avukat bħala kandidat ġdid. Kien pjaċir għalija nisma’ lil dan l-avukat jagħti spjegazzjonijiet fuq is-suġġetti diskussi b’mod tant realistiku. Mhux billi hu ser ikun kandidat għall-Partit Nazzjonalista ma smajniex kliem fieragħ fuq dak li qed jagħmel il-Partit. Ma smajniex min għandu xi tiġbid bin-numri tas-surveys li saru llum biex isebbaħ il-Partit tiegħu. Kien tassew realistiku u pożittiv fi kliemu u silet il-messaġġi li qed joħorġu mhux biss mis-surveys imma anki minn dak li inkiteb fil-gazzetti tal-ġurnata.

Meta tkellem fuq is-surveys ma għamilx xi kummenti ewforiċi anzi qal mill-ewwel li skond il-Malta Today id-distakk qed juri 26,000 vot favur il-Labour. Waħda mill-affarijiet li qal dan l-avukat kienet li l-Partit Nazzjonalista ilu ma jkun fuq quddiem f’xi survey mill-2009. Dr Giglio staqsa l-mistoqsija, għaliex? Huwa staqsa x’domandi kien qed jagħmel internament il-Partit matul is-snin u x’domandi qed jagħmel issa.

Silet punt mill-istess survey li 18% taż-żgħażagħ biss qed jappoġġjaw lill-PN. Huwa kompla b’mod raġunat u attwali li l-Partit għandu nuqqas bil-mod kif qed iwassal il-messaġġ tiegħu, tajjeb kemm hu tajjeb. Allura Dr Giglio ikkonkluda li l-Partit irid jaqra l-messaġġi tas-survey u jaġixxi fuqhom. Jekk il-Partit mhux iferrex il-messaġġ tiegħu biżżejjed irid ifittex is-soluzzjoni għaliha. Qal b’mod realistiku ħafna li l-Partit Nazzjonalista għad fadallu ħafna xogħol x’jagħmel. Kompla jgħid li dan is-survey qed jgħid lill-Partit biex ixammar il-kmiem u jaħdem iżjed.

Dr Giglio qal b’mod skjett li l-poplu jaf ħafna dwar dak kollu, speċjalment dwar l-istejjer maħmuġa, li għaddejjin bħalissa f’pajjiżna. Mela skond dan l-avukat, għalkemm ma jistax iwarrab dak li hu għaddej, huwa aktar importanti li l-Partit Nazzjonalista jagħmel il-proposti tiegħu. Biss fuq il-punt tal-korruzzjoni, nixtieq ngħidlek Dr. Mercieca, li Dr. Joe Giglio għamel l-istess konklużjonijiet li int għamilt meta analiżżajt dawn is-surveys versu l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li d-diskors li qed isir dwar korruzzjoni mhux ser irebbaħ lill-Partit Nazzjonalista.

Fuq kollox, Joe Giglio waqt dan il-programm irrefera għal paġna 7 tat-Times fejn tkellem fuq tliet proposti mill-mija li għamel il-Partit dwar it-turiżmu. Hawn wieħed irid isemmi l-kontribut siewi li qed jagħti f’dan il-qasam Robert Arrigo. Huwa emfasizza li dan hu xogħol importanti u jekk il-Partit irid javanza jrid ikomplu joħroġ bi proposti dejjem ġodda u nnovattivi.

Dr Giglio qal li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien partit kbir imma wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista jħares kif ser ikun Partit akbar. Dan hu punt ieħor li inti semmejt Dr. Mercieca fl-artiklu tiegħek. Fil-fatt, Dr. Giglio semma wkoll li l-cluster groups imwaqqfa ftit xhur ilu reġgħu ġew imġedda. Din ukoll kienet idea innovattiva li permezz tagħhom il-Partit Nazzjonalista jista’ jevolvi fil-ħsieb biex joħroġ b’messaġġi ġodda u b’viżjoni futuristika pożittiva. Dr Giglio għalaq l-intervent tiegħu b’messaġġ pożittiv

il-messaġġ tiegħi huwa dan. Jiena kburi li nifforma parti mill-Partit Nazzjonalista, kburi fuq kollox imma li jien Malti u bħala tali jiena persważ u konvint illi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista sejjer ikun qed iressaq ‘l quddiem ideat u proposti vibranti, sbieħ u interessanti għax għandu l-kapaċita’ li jagħmel dan, liema proposti jkunu effettivament qiegħdin jagħtu lill-elettorat għażla fejn il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun gvern alternattiv”.

Joe Giglio anki tella’ Facebook post fuq dan is-suġġett.

Hemm punt wieħed li ninsab ċert li inti mhux ser taqbel miegħu – dan hu l-punt dwar dak li darba ktibt fuqu, jiġifieri dak ta’ punitive society. Fuq il-paġna Facebook, Dr. Giglio qal li kien hemm nies li ġa marru l-ħabs b’referenza għall-arresti li saru. Joe Giglio hu avukat tal-kriminal u b’hekk aktar minn ħaddieħor irid joqgħod attent kemm jinżel għar-retorika politika ta’ Jason Azzopardi. Il-preżenza ta’ persuni fil-ħabs ma għandhiex tintuża bħala għodda politika, aktar meta dik il-persuna jew dawk il-persuni għad ma hemmx kundanna definittiva fuqhom. Naħseb li bħala avukat tal-kriminal, din il-frażi li kiteb ser tiġi lura, kif jgħidu bl-Ingliż “to haunt him”.

Leave a Reply