Għaliex il-Partit Nazzjonalista mhux qed jemmen in-narrattiva ta’ Jason Azzopardi dwar Carmelo Abela?

Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ April 2021, it-Times of Malta qaltilna u preżentatilna post ta’ Jason Azzopardi fil-konfront tal-Ministru Carmelo Abela. F’dan il-post Jason Azzopardi qed jgħid li aħjar tkun fuq il-qabar ta’ Kristu milli tkun imdaħħal f’xi heist fuq l-HSBC. Azzopardi, li hu magħruf ħafna għad-diskorsi li jagħmel il-parlament, allura jutilizza l-privileġġ parlamentari, din id-darba kiteb dan kollu fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu. L-indikazzjoni ta’ dan kollu turina li din id-darba Azzopardi fetaħ bieb għal xi libell jekk ikun qed jitkellem żejjed.

Fil-fatt fl-istess ġurnata, jiġifieri l-Ġimgħa, Carmelo Abela fetaħ il-qorti b’urġenza u ressaq libell kontra Jason Azzopardi. M’hiniex ser nidħol fuq id-diskors li qal Azzopardi u lanqas għalfejn Abela ħass li jirrispondi b’dak il-mod permezz tal-qorti, anki jekk irrid ngħid li Azzopardi qagħad attent kif iqiegħed il-kliem.

Imma nixtieq niġbed l-attenzjoni li din kienet informazzjoni jew allegazzjoni pjuttost serja. Apparti minn hekk dan kollu qalu membru tal-parlament tal-Partit Nazzjonalista kontra Ministru tal-Gvern Laburista. Naħseb li ġibdet l-attenzjoni mhux biss tat-Times of Malta imma ta’ ħafna aktar media houses, portals u bloggers fil-pajjiż.

Oħroġ il-għaġeb din ma kienetx daqstant importanti għall-media house tal-istess Partit Nazzjonalista. Tant hu hekk li meta tfittex fil-portal ta’ din l-kamra tal-aħbarijiet ma ssib assolutament xejn. Naħseb li tinħass bħala xi ħaġa tassew kurjuża kif figura daqstant prominenti u mportanti fil-Partit Nazzjonalista, joħroġ bi stqarrija tant b’saħħitha, imma tiġi maqbuża mill-ġurnalisti tal-istess Partit ta’ Jason Azzopardi. Hawn xi ħaġa li ġġagħlek titħasseb u tistaqsi, x’inhu għaddej bejn Jason Azzopardi u l-Partit Nazzjonalista permezz tal-ġurnalisti tiegħu?

Kien hemm xi direttiva ġejja min-naħa tal-Partit Nazzjonalista? Kien hemm xi ordni minn xi ras kbira biex in-news portal tal-Partit jitbiegħed minn din l-istorja tant taħraq li spiċċat il-qorti?

Ftit tal-ġranet ilu qrajna li fil-bini tal-parlament jew fil-viċinanzi kien hemm diskussjoni bejn Jason Azzopardi u wieħed mill-ġenerali ta’ madwar Bernard Grech. Mill-informazzjoni li ħarġet sirna nafu li din kienet diskussjoni pjuttost imqanqla tant li meta Jason Azzopardi daħal il-parlament kien jidher li għadu mbaqbaq. Mid-dehra f’dik id-diskussjoni Jason  Azzopardi talab b’mod assertiv li l-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista għandha tagħti importanza akbar lin-narrattiva tal-istess deputat. Jidher li Jason ma kienx kuntent min-nuqqas ta’ importanza li kien qed jingħata meta jitkellem jew joħroġ b’xi aħbar partikulari.

Fil-fatt din l-istorja dwar Carmelo Abela ħarġet wara u Net News ma tawhiex importanza tant li lanqas biss issemmiet. Ta’ min jistaqsi, jekk hux il-każ li l-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalsita qed tnaqqas ir-rapurtaġġ tagħha fejn jidħol Jason Azzopardi għaliex mhux qed temmen in-narrativa ta’ dan id-deputat? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, il-Partit Nazzjonalista qed iqies lil Jason bħala liability? Tgħid għalhekk ma tħalliex joħroġ fuq l-għaxar distrett fejn qed joqgħod? Tgħid hemm min qed jimbotta l-ħsieb biex Jason Azzopardi ma jkunx kandidat fl-elezzjoni ġenerali li ġejja?

Leave a Reply