Chris Said ikkonferma li ħiereġ kandidat

Chris Said għadu kif tella’ post fuq Facebook biex jħabbar li ħiereġ kandidat mal-Partit Nazzjonalista. Forsi tgħidu għala din hija aħbar importanti. Fil-politika, id-diskors bħaċ-ċirasa. Din l-aħbar issir importanti ħafna għaliex f’waħda mil-laqgħat tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, kien qal li mhux ħiereġ. Persuna li kienet f’dik il-laqgħa kitbitli u qaltli li f’din il-laqgħa partikolari, Claudio Grech kien qal xi ħaġa hekk,

“lilna li konna hemm fit-telfiet kbar li kiseb il-Partit Nazzjonalista, il-poplu wriena b’mod ċar ħafna li aħna l-kandidati sedenti fil-parlament minn dak iż-żmien, għandna nieħdu pass lura.”

Kienet qamet diskussjoni sħuna mhux ħażin bejn diversi membri. Fil-fatt tant saħnet il-kamra bid-diskorsi b’livell emozzjonanti ħafna, li ħin minnhom Dr Chris Said instema’ jgħid li kull ma jagħmel hu donnu kollu ħażin. Il-kontest ta’ dan kollu kien meta waslet biex tinqara’ lista ta’ kandidati konfermati għall-elezzjoni ġenerali. Dak iż-żmien kien jidher ċar li l-għażla tal-kandidati kienet f’idejn Chris Said. Tant saħan Dr Said li nstema’ jgħid li ismu mhux fuq dik il-lista u mhux ser ikun u telaq il-barra.

Dak il-ħin dawk preżenti kollha fehmu li Dr Chris Said mhux ser ikun kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Din kienet dikjarazzjoniji li baqgħet mmarkata f’moħħ din il-persuna li bgħattitli din l-istorja. Din il-persuna kompliet tgħidli:

“Fil-fatt f’qalbi kont għidt. Ara dan ser joqgħod jilgħabha tal-prima donna issa. Qed jagħmel hekk biex ftit qabel l-elezzjoni l-Partit jgħidlu li kellu bżonnu fuq it-tlettax id-distrett. U altaparsi joħroġ ta’ eroj. Fil-fatt ma kontx żbaljat wisq. Ftit tal-ħin wara l-atmosfera kkalmat mhux ħażin. Dak il-ħin Francis Zammit Dimech għamel dikjarazzjoni oħra li wkoll kienet impressjonatni. Wara dak li qal Claudio Grech u l-battikata li ħa Chris Said, is-Segretarju Ġenerali qal kif jista’ jkun immorru għall-elezzjoni ġenerali mingħajr il-kandidatura ta’ Claudio u ta’ Chris? Konferma li Zammit Dimech ma kien fehem xejn minn dak li qal Claudio Grech qabel. Sal-lum, jekk m’inhiex sejjer żball, għadna ma smajniex li Claudio Grech huwa konfermat kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.”

Minħabba din l-istorja, il-konferma ta’ Chris Said tieħu importanza akbar. Nixtieq infakkar li hemm persuni fil-Partit Nazzjonalista li jippuntaw subgħajhom lejn Chris Said bħala r-raġuni għala l-Partit Nazzjonalista tilef it-tielet siġġu f’Għawdex.

Leave a Reply