Laburist mweġġa’ mill-Partit Laburista

Ittra minn persuna ta’ twemmin Laburista

Għażiż Dr. Mercieca,

Napprezza ħafna l-fatt li inti tagħti spazju lill-ilħna ta’ persuni minoritarji bħali anki jekk naħseb li jien ma għadnix persuna waħdi. Naf li fil-Facebook Page tiegħek għandek ħafna Laburisti li jsegwuk.

Jien laburist minn ġuf ommi biss waqt li qed nagħtik ismi u kunjomi napprezza li nibqa’ fl-anonimat. Biss jien mweġġa’ ħafna u naħseb li hemm ħafna laburisti bħali li huma mweġġajn. Weġġajt ħafna wara li smajt il-mexxej tal-partit tiegħi jitkellem u anki wara l-press conference li ta d-deputat-mexxej Daniel Jose Micallef.

Segwejt b’interess kbir l-intervista li saret lill-Prim Ministru Robert Abela. Jidher ċar li lill-Prim Ministru riedu jdaħħluh fi trabokk permezz ta’ dik l-intervista. Kif naraha jien, il-Partit Laburista qiegħed jibda jammetti, għallinqas, ftit mill-iżbalji tiegħu. Biss l-ikbar żball li għamel il-Partit Laburista kien il-mod kif ittratta Laburisti ġenwieni bħali. Aħna batejna taħt il-PN u wara dan iż-żmien kollu fil-gvern, baqgħet ma saritx ġustizzja magħna. Illum jien pensjonat. Dak kollu li tlift f’ħajti, ħadd issa ma jista’ jagħtihuli lura.

Nifhem li ssir ħafna pressjoni fuq il-partit u anki fuq il-Prim Ministru, imma illum qed nirrealizza li ma kienx hemm rieda ġenwina biex l-affarijiet jibdew jinbidlu bis-serjeta’. Ma riedx ninftiehem ħażin. Jien mhux kontra li ssir iktar pressjoni fuq il-Partit Laburista. Nifhem li wara dawn is-snin kollha jibda’ jkun hemm il-problemi u dawn jibdew jidhru. Biss mhux sew il-pajjiż inħakem minn grupp ta’ nies li ngħaqdu flimkien biex ikabbru il-ġid personali tagħhom mingħajr ma jagħtu xejn lura lis-soċjeta’ ħlief kliem fieragħ.

Dan hu dak li ġara fil-Partit Laburista bil-famuż moviment. Ma għandix dubju li ġew numru ta’ Nazzjonalisti għax imweġġajn, biss ġew numru akbar, li kienu ilhom ipappuha taħt il-PN għas-skapitu tal-Laburisti u baqgħu jpappuha taħt dan il-Gvern għas-skapitu tal-istess Laburisti. Ara fuq dan, ħadd ma jrid jitkellem. Ara l-weġġgħat ta’ dawn in-nies ma ġewx indirizzati mill-Prim Ministru meta kien intervistat.

Forsi ħafna minn dawn il-Laburisti ma jmorrux fuq Facebook u jogħqodu ipeċilqu. Ħafna minn dawn il-Laburisti ma għandhomx aċċess dirett għall-Prim Ministru għaliex dejjem ittieħdu for granted. Ħafna minn dawn il-Laburisti qatt ma gawdew mill-ebda fondi tal-gvern anki jekk kien jistħoqqilhom. It-tajjeb hu li dawk li llum ma jistħoqqilhomx igawdu minnhom għandhom il-kapaċita’ li jieħdu xorta waħda dawn il-fondi u kollox b’mod legali.

Għalina l-Laburisti, din hija il-vera korruzzjoni li għandna f’dan il-pajjiż. Ma niddejjaqx li dawn igawdu mill-ġid kbir li ħoloq dan il-Gvern. Biss mhux sew li dan il-grupp qed igawdi għas-skapitu ta’ ħaddieħor. U dan qed jagħmluh billi jkissru kull sens ta’ meritorikrazija. Il-Laburisti veri fuq dan jimpurtahom. Imma fuq dan ħadd ma jrid jisma’ l-weġġgħat tagħhom.

Forsi tgħiduli imma mal-ħażin ma għandux jeħel it-tajjeb. Bl-ebda mod, il-Partit Laburista mhu juri sinjali li jrid jibdel il-kultura fejn il-kuntratturi li gawdew taħt in-Nazzjonalisti jibqgħu jmexxu dan il-pajjiż. Dawn għadhom b’linja diretta ma’ Kastilja. Il-Laburisti ġenwieni iridu ġustizzja. Infakkar lill-Prim Ministru li huma batew taħt il-Gvern Nazzjonalista għaliex kienu kontra l-kultura li grupp żgħir ta’ nies jaqbdu u jaħtfu kemm jifilħu għal gwadann personali tagħhom.

Illum nemmen li jien u nies bħali twarrbu fil-Partit Laburista u qatt ma saret ġustizzja magħna għaliex qatt ma konna lesti naċċettaw, anki taħt dan il-gvern, li nkunu tapp ta’ xi ħadd. Illum miegħi ġustizzja aktar ma tistax issir, għaliex jien penzjonat u dak li tlift f’termini ta’ promotions etc. issa ħadd ma jista’ jagħtihomli lura. Biss li tara l-Prim Ministru u deputat mexxej jitkellmu kif qed jitkellmu, aktar qed jitfgħu melħ fuq il-ferita’ miftuħa tiegħi u ta’ ħafna bħali.

Leave a Reply