Il-PN jibdel l-emblema tiegħu
Dan is-site qiegħed f’pożizzjoni li jiżvela li nħarġet ordni lill-kumitati sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista biex kull kumitat li għandu facebook page juża dan ir-ritratt bħala profile picture tal-paġna tiegħu.

Fi kliem ieħor, kull kumitat sezzjonali qed ikun mitlub biex b’mod indirett jieqaf juża l-arma tradizzjonali tal-Partit Nazzjonalista.
Persuna li rċieva din l-ordni kitibli u qalli li ma jistax jifhem ħaġa waħda. X’differenza tagħmel fuq il-profile picture jekk tkunx dik l-originali jew xi ħaġa blu u bajda. “Dawn affarijiet tat-tfal”. Kompla jgħidli, “Qiesu issa l-emblema tal-Partit Nazzjonalista tilfet il-kulur tagħha. Din mhix l-emblema tal-Partit Nazzjonalista.”
Wieħed irid jiftakar li fl-aħħar kunsill ġenerali, Louis Galea prova u stinka biex jibdel il-maduma. It-tweġiba kienet ċara. Dak in-nhar, il-kelma LE kienet dwiet mad-Dar Ċentrali kollha.
Mid-dehra ser nerġgħu nippruvaw. Hawn min jaħseb li ma jkunx irnexxielu jgħaddi mil-bieb jipprova jidħol mit-tieqa. Biss din l-istess persuna li kitbitli qaltli;
“Ħa nagħmluha ċara li lanqas ma hu ser jitħalla jidħol mil-ventilatur biex jipprova jagħmel xi tibdil fl-emblema tagħna. Daħħluha f’raskom li intom għasafar tal-passa. Intom għandkom żmien qasir hemm. Aħna t-tesserati konna u nibqgħu hemm. Mela li ngħidu aħna jgħodd. Tażżardawx tilgħabu ma’ affarijiet li aħna t-tesserati diġa ddeċiedejna fuqhom għax nerġgħu niġu d-Dar Ċentrali u jekk hemm bżonn nerġgħu nsemmgħu leħinna. Imma dan x’Partit sar? Sirtu daqshekk arroganti? Sirtu allat? Kulħadd jaf li kif tbiddel il-Kap, ddawwar b’ħafna ġenerali. Imma s-suldati ma jkunux id-Dar Ċentrali matul il-ġurnata. Imma meta jkun hemm il-bżonn ikunu wara l-bieb malajr. Kemm infakkarkom li hemm kemm hemm ġenerali, il-gwerra tintrebaħ bis-suldati”.
Hekk temm il-messaġġ tiegħu min bagħatli dan il-messaġġ.