Is-Soċjeta’ Ċivili saret il-Partit Nazzjonalista: dan hu ta’ dannu politiku kbir

Is-Soċjeta Ċivili qed tkun ta’ dannu kbir għall-Partit Nazzjonalista. Il-kitbiet, l-istqarrijiet, il-paroli, l-azzjonijiet minn membri magħrufa tas-soċjeta ċivili qed ikunu ta’ dannu politiku kbir għall-Partit fl-Oppożizzjoni. L-isfortuna tal-Partit Nazzjonalista hija li dawn in-nies, opportunisti, huma kollha b’xi mod jew ieħor wirt tal-Partit Nazzjonalista. Nifhem li fil-bidu kien hemm numru li ngħaqdu mas-Soċjeta’ Ċivili għax emmnu fiha. Biss ħafna telqu għaliex raw f’membri prominenti ta’ din l-għaqda opportunisti.

Dawn huma grupp ta’nies li fil-passat telqu lill-Partit Nazzjonalista, għax kienu jafu li ma jistgħu qatt jakkwistaw lura ebda responsabilita’ jew pożizzjoni li kellhom fil-Partit Nazzjonalista u allura varaw mod ieħor kif jibqgħu jsemmgħu leħinhom u jibqgħu jagħtu l-impressjoni li għadhom importanti fil-pajjiż.

Dawn meta rrejalizzaw li tilfu l-pjattaforma ta’ Partit politiku ngħaqdu biex reġgħu akkwistaw leħen fuq livell nazzjonali. Li ma jridx jifhem jew jaċċetta l-Partit Nazzjonalista huwa li mhux veru li dak kollu li qed isir jew jiġri ġo pajjiżna huwa grazzi għalihom. Huma qed jagħtu l-impressjoni li dak kollu li qed jinqala’ fil-qrati tagħna huwa grazzi għall-pressjoni tagħhom.

U hawn fejn il-Partit Nazzjonalista qed jilgħab logħba perikuluża. It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed taħseb li ma tistax tinħall mill-qrubija li l-Partit Nazzjonalista għandu ma’ dawn in-nies. Il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jingħoġob u jibqa’ qrib ta’ dawn l-opportunisti u mhux qed jirrifletti fuq il-possibilita’ li dawn l-istess nies jistgħu jkunu ta’ piż u dannu kbir fuq l-istess Partit Nazzjonalista. Jekk mhux ser jirriflettu sewwa fuq il-problemi li l-għaqdiet ċivili, li tfaċċaw dan l-aħħar, ser ipoġġu fuq il-Partit Nazzjonalista, hemm probabilita’ li dawn in-nies ser ikomplu jkissru u jimbuttaw l-isfel lill-Partit Nazzjonalista.

Ħa niffoka fuq ħaġa waħda biss f’din il-kitba. Kulħadd jaf li n-numri uffiċjali juruna li l-ONE għandu ħafna aktar nies jarawh u jisimgħuh milli għandu n-NET. Dan barra li rridu niftakru li x-xandir nazzjonali dejjem kien għodda f’idejn il-partit fil-gvern. Mela meta tara l-istazzjon tal-Labour tinduna li dawn qed jikkonċentraw fuq żewġ avversarji differenti. Dawn mhux biss iħarsu u jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista, imma jagħtu importanza kbira ukoll dak li tgħid is-soċjeta ċivili.

Kulħadd jistenna li stazzjon televiżiv politiku jagħmel ħiltu kollha biex iġib fix-xejn kull ħaġa li toħroġ mill-avversarju politiku tiegħu. Imma meta jkollok stazzjon li jattakka lis-soċjeta ċivili li dejjem iqisuha bħala fergħa tal-partit oppost, dawn qed jagħmlu ħsara politika doppja lill-avversarji politiċi tagħhom. Kull darba li l-Labour jattakka lill-protagonisti tas-soċjeta ċivili jeħel ukoll il-Partit Nazzjonalista. Kull darba li jippruvaw jirredikulaw lill-attivisti tas-soċjeta ċivili jfakkruna min kienu u x’parti kellhom fil-Partit Nazzjonalista.

Dan huwa ta’ dannu kbir għall-Partit Nazzjonalisti. Ma nistax nifhem kif il-Partit Nazzjonalista jibqa’ mkaħħal ma’ nies li minħabba fihom qed jaqla’ kritika aggressiva, qed jitpinġi bħala parti mis-soċjeta ċivili u qed jitqies bħala partit politiku li għadu sal-lum jiddefendi lil dawn li għandhom passat politiku ta’ dannu għall-istess Partit Nazzjonalista. Imma possibbli li l-Partit Nazzjonalista, issa ħafna iżjed minn ftit xhur ilu, flok jagħmel ħiltu biex jiddistanzja ruħu minn dawn in-nies, għal kuntrarju qed jersaq aktar qrib lejhom.

Huwa diffiċli tifhem għala t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tkun ta’ forċina prinċipali ta’ dawn in-nies. Qed tagħtihom spażju fit-trasmissjonijiet tat-television. Qed tippriedka u tressaq il-quddiem l-aġenda tagħhom u ta’ sikwiet tirringrazzjhom. Niskanta kif il-Partit Nazzjonanlista ma jindunax li dawn qed jinqdew bil-Partit Nazzjonalista biex ikollhom pjattaforma viżiva.

Possibbli l-Partit Nazzjonalista ma tgħallimx mill-iżbalji tiegħu stess. Nesa l-Partit Nazzjonalista li d-Dar Ċentrali kienet l-istore tagħhom. Nesa l-Partit Nazzjonalista li l-apparat biex jorganizzaw xi ħaġa kien ikun dejjem tal-Partit Nazzjonalista. Nesa l-Partit Nazzjonalista li l-armar kien isir fil-ħin tax-xogħol minn nies jaħdmu fid-Dar Ċentrali.

Ara issa s-soċjeta ċivili ma għadhiex tinqeda bil-Partit Nazzjonalista. Issa ma għandhiex bżonn aktar din l-għajnuna tal-Partit Nazzjonalista għaliex issa, is-soċjeta ċivili kkapparrat lill-istess Partit Nazzjonalista.

One comment

Leave a Reply