Il-qratas tal-kokaina li nbagħtu bil-posta kellhom x’jaqsmu ma’ storja li kienet ħierġa fil-Malta Today?

F’dawn l-aħħar jiem reġgħet dehret fil-media l-istorja tal-qratas bil-kokaina li rċevew erba’ persuni, jiġifieri Jason Azzopardi, Simon Busuttil, Karol Aquilina u David Casa. Il-media li tmexxi l-aġenda tal-familja Caruana Galizia qed tipprova ġġibha li dawn il-pakketti nitbagħtu minn Yorgen Fenech wara li The Times kienet ħarġet bl-istorja dwar min hu s-sid ta’ 17Black.

Biss jekk wieħed iżomm man-narrattiva ta’ The Times, jiġifieri dawn il-qratas nbagħtu minħabba rapport li deher fil-media dwar min hu s-sid ta’ 17 Black, wieħed irid jgħid li kien hemm storja oħra fil-media li ħarġet ftit tax-xhur wara li kienu ntbagħatu dawn il-qratas. Din l-istorja kienet ħarġet f’Ottubru 2019. Illum ħadd ma isemmiha din l-istorja. Din kienet l-istorja li ppubblikat il-Malta Today u tikkonċerna lil David Casa, fejn fiha kien ġie allegat li David Casa jagħmel użu mill-kokaina.

Il-mistoqsija tiegħi hija din. Għaliex il-gazzetti assoċjaw l-istorja ta’ dawn il-qratas ma’ 17Black u mhux ma’ din l-istorja li ħarġet fil-Malta Today ftit tax-xhur wara? Infakkar li Jason Azzopardi rċieva din id-droga f’envelop id-Dar Ċentrali 27 ta’ Frar 2019. L-istorja ta’ min hu is-sid ta’ 17 Black kienet ħarġet qabel, jiġifieri f’Novembru 2018. Mela id-differenza bejn dawn iż-żewġ aħbarijiet hija ta’ ftit inqas minn erba’ xhur. Id-differenza bejn meta Jason Azzopardi u sħabu rċevew din id-droga u l-istorja tal-Malta Today hija ta’ ftit aktar minn 7 xhur. Ma tantx hemm xi differenza kbira bejn iż-żewġ avvenimenti.

B’hekk fuq liema kriterju forensiku, il-gazzetti The Times u anki Lovin Malta assoċjaw dawn il-qratas mal-istorja tas-17 Black u mhux ma din l-istorja tal-Malta Today? Jekk wieħed juża r-riga li wżat The Times, wieħed jista’ jargumenta li xi ħadd ġa kellu din l-informazzjoni meta bagħat dawn il-qratas. Qed ngħid dan mhux għax nemmen li hemm konnessjoni bejn l-istorja tal-Malta Today u dawn l-envelops imma biex nuri kemm l-argument li sar minn The Times u mill-istess erba’ persuni li rċevew dawn il-qratas u rabtuh ma’ Yorgen Fenech, huwa wieħed zopp.

F’dan il-kuntest ma nistax nifhem għala Yorgen Fenech kellu interess jibgħat qratas bil-kokaina lil David Casa meta llum nafu, ‘with the benefit of hindsight’, li dan kien ser ikun suġġett ta’ storja fuq l-istess suġġett f’gazzetta lokali. Fuq kollox, l-istorja li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black kienet ħarġet biha Reuters flimkien ma’ The Times. Safejn naf jien Jason Azzopardi u sħabu ma kellhomx x’jaqsmu ma’ din ir-revelazzjoni. Mela, jekk wieħed isegwi l-argument ta’ The Times u ta’ Azzopardi u sħabu, dawn il-qratas kellhom jitbagħtu lil Reuters u mhux lilhom!

U mbagħad għaliex jien nitkellem li l-media u l-istituzzjonijiet qed jippruvaw jiffrejmjaw lil Yorgen Fenech, niġi mgħajjar “conspiracy theorist!” Illum tafu min verament jagħmel conspiracy theories mingħajr ma jara l-fatti kollha li jkunu ġraw, kemm qabel u anki wara avveniment, qabel ma jgħaddi ġudizzju fuq l-istess avveniment li jkun seħħ.

Leave a Reply